Sunday, November 24, 2024

Nisa: Il-Maltin megħluba b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Malta …………0

Portugall …..2

F’partita valida minn Grupp 3 tal-kwalifikazzjoni tan-Nations League, Malta sfat megħluba mill-Portugall bl-iskor ta’ 2-0.

Fil-veritá, il-Portugiżi kienu territorjalment l-aħjar team matul il-logħba kollha, bil-Maltin jinżlu b’tattika difensiva u joperaw bil-kontrattakki.

Wara taqsima mingħajr goals, fil-bidu tat-tieni taqsima l-avversarji skorjaw minn penalty li tahom moral psikoloġiku biex ddominaw il-kumplament ta’ dan il-konfront.

U biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għall-Maltin, weġġgħet l-aħjar player tal-logħba, il-goalkeeper Janice Xue­reb, li kellha tħalli l-ground f’nofs it-tieni taqsima. 

Appena għaddew 30 sekondi, il-Portugiżi resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Francisca Nazareth ħarbet waħedha iżda pronta kienet il-goalkeeper, Janice Xuereb, li antiċipatha fil-ħin.

Ir-reazjoni Maltija kienet waħda mmedjata meta f’kontrattakk veloċi, it-tentattiv ta’ Maria Farrugia għadda ftit barra. 

Fid-19-il minuta, il-Portugiżi kienu għoddhom skorjaw meta l-free-kick angolat ta’ Nazareth għadda jħakkek ma’ sieq il-lasti, bi Xuereb megħluba għal kollox … u żewġ minuti wara, Ana Seica  għolliet il-mira minn qagħda idea­li.

Fil-25 minuta, kienet Rachel Cuschieri li kklerjat il-periklu qabel setgħet tilħaq Nazareth mill-cross insidjuż ta’ Lucia Alves. Fis-37 minuta, Xuereb kienet provindenzjali meta salvat il-free-kick b’saħħtu ta’ Dolores Silva.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Portugiżi ngħataw penalty meta l-ballun ħabat ma’ id Ann-Marie Said … li minnu Ca­role Costa ma żbaljatx.

Fil-55 minuta, Xuereb wettqet save stupend fuq il-linja  mit-tentattiv ta’ Catarina Amado iżda sfortunatament ħabtet l-irkoppa mal-lasta u kien hemm il-biżgħa li setgħet tinbidel. Iżda hija kellha toħroġ meta għamlet save ieħor tajjeb mill-cross ta’ Costa u niżlet fuq irkoppittha biex imbagħad kellha tinħareġ fuq stretcher.

Fis-77 minuta, il-Portugiżi rduppjaw meta Ana Capeta kkonkludiet mill-pass fil-baxx ta’ Jessica Silva.

Fil-partita l-oħra, barra minn darhom l-Irlanda ta’ Fuq għelbu lil Bosnja bl-iskor ta’ 3-1.

Malta: 1-Janice Xuereb (23-Patricia Ebejer 66), 3-Ann-Marie Said, 5-Stephania Farrugia, 7-Kailey Willis (20-Nicole Sciberras 66), 8-Rachel Cuschieri, 10-Maria Farrugia, 14-Shona Zammit, 16-Charlene Zammit, 17-Brenda Borg, 21-Haley Bugeja (11-Jade Flask 92), 22-Valentina Rapa (9-Alishia Sultana 60) – Coach: Manuela Tesse

Malta: 1-Ines Perreira, 2-Catarina Amado (21-Ana Capeta 72), 3-Lucia Alves, 4-Ana Seica, 6-Andrea Jacinto (13-Joana Martins 84), 9-Ana Borges, 10-Jessica Silva (18-Carolina Mendes 91), 14-Dolres Silva (11-Tatiana Pinto 72), 15-Carole Costa, 16-Diana Silva, 20-Francisca Nazareth (17-Andrea Faria 83) – Coach: Francisco Neto 

Referee: Katalin Sipos (Ungerija)

Assistenti: Judit Kulcsar, Noemi Hegedus-Barath (Ungerija)

Raba’ Uffiċjal: Petra Kalmar (Ungerija)

Skorers: C. Costa 48 pen A. Capeta 77 (P)

Ammonita: R. Cuschieri (M)

Sport