Wednesday, July 24, 2024

UCL: Kollox għadu miftuħ beraħ

Aqra wkoll

F’partiti mill-aktar pjaċevoli mill-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League, kollox għadu miftuħ beraħ hekk kif iż-żewġ partiti tal-bie­raħ spiċċaw fi draw.

Arsenal …………………2

Bayern Munich …..….2

Arsenal laqgħu lil Bayern Munich u temmew fi draw ta’ 2-2 bil-Gunners ikunu kemmxejn aħjar iżda l-Ġermaniżi ddefendew tajjeb.

Wara 12-il minuta, il- Gunners fetħu l-iskor meta Bukayo Saka avvanza u b’xutt imdawwar lejn ir-rokna tax-xibka għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Manuel Neuer.

Iżda sitt minuti wara, Bayern kisbu d-draw meta żball ta’ Gabriel Magalhaes ippermetta lil Leroy Sane japprofitta u żmarka għal kollox lil Leon Goretzka li sab l-ispazju għal Serge Gnabry biex għeleb lill-goalkeeper David Raya.

Imbagħad, fit-32 minuta, il-Bavarjni ngħataw penalty meta William Saliba waqqa’ lil Leroy Sane fil-kaxxa … u mill-11-il metru Harry Kane xeħet lil Raya fuq in-naħa l-ħażina.

Iżda Leandro Trossard (76) salva r-riżultat għall-Gunners.

R eal Madrid ………………..3

Manchester City …..…..3

F’konfront eċċitanti, Manchester City u Real Madrid spiċċaw fi draw ta’ 3-3.

Manchester City ma setgħux kellhom bidu aħjar meta biss wara żewġ minuti meta Bernardo Silva ħasad lil kulħadd bil-free-kick tiegħu hekk kif il-Madrilenti kienu l-anqas għamlu l-barriera tagħhom.

Iżda fit-12-il minuta, Real kisbu d-draw meta minn azzjoni mejta, Eduardo Camavinga ġera fuq il-lemin u  ttanta xortih b’xutt li deher li ma kien se jagħmel l-ebda ħsara … peró l-ballun ħabat mad-difensur Ruben Dias li qarraq għal kollox bil-goalkeeper tiegħu stess, Stefan Ortega, għal auto-goal sfortunat.

Żewġ minuti Real marru fil-vantaġġ meta Rodyrgo rċieva through-pass mingħand Vinicius u għeleb lil Ortega bil-ballun ikun devjat minn Manuel Akanji.

Iżda żewġ goals minn Phil Foden (66) u kanunata ta’ Josko Gvardiol (71) dawru l-iskor favur is-Citizens … sakemm Federico Valverde (79) kiseb id-draw għall-Madrileni.

Ekonomija

Sport