Saturday, December 21, 2024

Nisperaw li l-Maltin jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ aktar empatija għall-isfidi li qed niffaċċjaw – il-komunità Sirjana f’Malta

Aqra wkoll

Il-Komunità Sirjana f’Malta appellat biex il-Maltin kif ukoll il-komunità internazzjonali jirrikonoxxu l-kumplessitajiet ta’ dak li qegħdin jesperjanzaw u jirrikonoxxu l-ħtieġa għal iktar empatija. 

Intqal li “wara l-irvelli, il-poplu Sirjan irnexxielu ineħħi ir-reġim awtoritarju tal-President Bashar al Assad. Hu kruċjali li jiġi enfasizzat li l-familja Assad kienet fil-poter għal aktar minn 54 sena, b’Hafez al Assad u ibnu Bashar al Assad fit-tmun tat-tmexxija. F’dan il-kuntest, hu evidenti li l-bidla ta’ sistema politika li kienet eżistenti għal dan il-perjodu twil teħtieġ żmien adegwat u konsiderazzjoni bir-reqqa.  L-aħħar 14-il sena ta’ dan ir-reġim kienu karatterizzati minn gwerra ċivili devastanti li ħarbtet ħafna mill-infrastruttura u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.  Il-bini u s-sistema politika tas-Sirja jeħtieġu żmien adekwat qabel ma tkun tista’ tingħata valutazzjoni definittiva fuq il-futur tal-pajjiż.”

Il-komunità Sirjana qalet ukoll li “bħala komunità nesprimu it-tħassib li għadd ta’ pajjiżi Ewropej qegħdin iwaqqfu l-applikazzjonijiet għall-ażil għas-Sirjani. Nixtiequ infakkru li ħafna Sirjani f’Malta fasslu għeruq profondi – għandna twal twieldu Malta, negozji li joperaw hawn u rabtiet familjari u soċjali b’saħħithom ma’ dan il-pajjiż. Aħna konna parti minn soċjetà Maltija għal żmien twil u ikkontribwixxejna fiha.

F’dan il-kuntest, nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna lill-Gvern Malti fl-isforzi tiegħu biex tinbena koperazzjoni li eventwalment twassal għat-twaqqif ta’ uffiċċju diplomatiku bejn Malta u s-Sirja. Dan hu partikolarment importanti peress li ħafna Sirjani, inklużi tfal, m’għandhom l-ebda dokumentazzjoni Sirjana u dan jirrappreżenta ostakolu biex jistgħu jżuru lil pajjiżhom. In-nuqqas ta’ dawn id-dokumentazzjonijiet jiffaċilità mhux biss lil dawk li jixtiequ jżuru s-Sirja, iżda ukoll għall-integrazzjoni u l-istabbilità tagħhom fil-kuntest Malti.”

Tennew li “fid-dawl ta’ dawn l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-komunità Siriana, nagħmlu appell lill-pubbliku Malti, li tant offra ospitalità u appoġġ lilna matul l-aħħar snin, biex jibqa’ jifhem is-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha. Nispera li l-poplu Malti, kif ukoll il-komunità internazzjonali jirrikonoxxu l-komplessitajiet ta’ din is-sitwazzjoni u l-ħtieġa ta’ iktar empatija għall-isfidi li qed niffaċċjaw”.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport