Megan Rapinoe ngħatat tislima ewforika mill-isbaħ wara l-aħħar logħba fil-ground tagħha tal-istaġun regolari għal OL Reign qabel ma tirtira.
Ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja darbtejn qattgħet il-karriera kollha tagħha ta’ 11-il staġun fin-National Women’s Soccer League (NWSL) mal-club ta’ Seattle.
Folla rekord ta’ 34,130 kienet preżenti biex assistit għal draw bla goals li saret nhar il-Ġimgħa kontra Washington Spirit.
“Inħossni qisni qegħda d-dar. Dejjem kien l-aktar post sigur,” qalet Rapinoe, 38 sena.
“Dan kien biss dejjem il-post fejn stajt inkun jiena stess.”
Il-kollegi tat-team ta’ Rapinoe libsu flokk bin-numru 15 f’ġieħha qabel ma ġiet murija tislima bil-video fil-ground ta’ Lumen Field li fih kien hemm ikoni sportivi, inklużi l-leġġendarja tat-tennis, Billie Jean King, u l-player kbir tal-baseball ta’ Seattle, Ken Griffey Jr.
“Ninsab xi ftit nieqsa mill-kliem,” żiedet iċ-champion Olimpika u rebbieħa tal-Ballun tad-Deheb 2019, li ħabbret aktar kmieni din is-sena li kienet se tirtira fi tmiem l-istaġun tal-NWSL.
“Li stajt nilgħab il-karriera kollha tiegħi hawnhekk, f’belt waħda – huwa verament speċjali li nkun kapaċi jkolli dan.”
Il-players minn kull team għannqu lil Rapinoe hekk kif ħarġet barra mill-ground fi tmiem il-logħba b’ovazzjoni mill-folla, li kienet tinkludi lis-sieħba tagħha, Sue Bird, rebbieħa tal-midalja tad-deheb tal-basketball Olimpiku għal ħames darbiet.
“Kien tali vjaġġ inkredibbli,” qalet Rapinoe. “Grazzi – lil kulħadd.”
Ir-Reign, ikkowċjati mill-Ingliża, Laura Harvey, għadhom biċ-ċans għall-play-offs u se jivvjaġġaw biex jiffaċċjaw lil Chicago Red Stars fl-aħħar logħba tagħhom tal-istaġun regolari, fil-15 ta’ Ottubru.
Il-karriera internazzjonali ta’ Rapinoe ġiet fi tmiemha bir-rebħa ta’ ħbiberija tax-xahar li għadda kontra l-Afrika t’Isfel.