Saturday, May 4, 2024

Opportunità oħra… Kontinwazzjoni tal-karriera brillanti fil-korp tal-pulizija

Aqra wkoll

Opportunità oħra. Kontinwazzjoni tal-karriera brillanti fil-korp tal-pulizija. Hekk kien hemm min sejħilha ċ-ċerimonja li saret riċentement fejn 33 pulizija, 23 raġel u 10 nisa ngħataw l-opportunità li jservu fil-korp bħala kuntistabbli ta’ riserva. 

Minkejja li dawn l-uffiċjali temmew b’suċċess il-perjodu ta’ 25 sena servizz mal-korp, huma ħassew li xorta waħda jistgħu jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom filwaqt li jsegwu ħajja iktar bilanċjata.

Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-preżenza tal-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati Joe Cachia, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, dawn it-33 uffiċjali dehru ferm kuntenti li se jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom u jżommu mal-wegħda li kienu taw fil-bidu tal-karriera tagħhom li jservu l-ħtiġijiet tal-korp.

Dawn l-istess kuntistabbli ta’ riserva kellhom taħriġ importanti fuq diversi materji tant importanti li l-pulizija jiltaqgħu magħhom waqt il-ħidma tagħhom ta’ kuljum fosthom l-użu tal-armi tan-nar; proċeduri ta’ kontroll u trażżin; is-saħħa mentali; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; kif ukoll tagħrif dwar il-Pulizija tal- Komunità, vjolenza abbażi ta’ sess, kif ukoll kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal-kriminalità u kors fl- ewwel għajnuna. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Dr Byron Camilleri faħħar is-servizz li taw dawn l-uffiċjali fi ħdan il-korp u appella sabiex jużaw l-esperjenza tagħhom għall-ġid tal-oħrajn.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà tenna li l-professjonalità tibqa’ xi ħaġa kruċjali fi ħdan il-korp u kien għalhekk li ħaseb sabiex il-Kuntistabbli ta’ Riserva jingħataw taħriġ qabel l-ingaġġ. Hu kompla jgħid li l-korp irid jikseb lura l-fiduċja tan-nies u sabiex jagħmel dan irid ikompli jaħdem qatigħ għall-ġid tal-komunità Maltija.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ żewġ kuntistabbli ta’ riserva Robert Scicluna u Joanna Vella fejn stqarrew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan ir-rwol ġdid li se jkollhom filwaqt li urew kemm huma kburin li jiffurmaw parti mill-korp tal-pulizija. 

Meta mistoqsija dwar il-ħidma tagħhom issa li temmew il-25 sena servizz, kemm Robert kif ukoll Joanna stqarrew li din kienet opportunita’ tajba għalihom.

“Bis-saħħa ta’ din l-opportunità se jkolli ċ-ċans nsib bilanċ tajjeb bejn il-familja u x-xogħol. Nemmen li din kienet miżura li tagħti aktar ċans lill-individwi li jqattgħu aktar ħin mal-għeżież tagħhom filwaqt li tkompli bix-xogħol fil-korp,” bdiet biex qalet Joanna. 

“Apparti li għamilt aktar minn 25 sena fid-dipartiment tal-forensika, issa se nkompli nikkontribwixxi għall-ġid tal-korp filwaqt li naqqast is-sigħat tax-xogħol sabiex ikolli ċ-ċans noqgħod mal-familja. Din kienet opportunità kbira għalija li ma stajtx nirrifjuta,” qal Robert. 

Meta mistoqsija dwar in-numru ta’ sigħat li beħsiebhom jaħdmu fil-ġimgħa, dawn iż-żewġ membri fi ħdan il-korp tal-pulizija għażlu li jkollhom 30 siegħa li qisuhom bħala biżżejjed sabiex jagħtu l-kontribut meħtieġ. Minkejja kollox, dejjem ikun hemm dawk l-esiġenzi sabiex il-kuntratt ikun jista’ jiġġedded aktar tard.

Robert Scicluna u Joanna Vella kellhom kliem ta’ tifħir għall-kors li għamlu dan l-aħħar u qisuh ferm importanti sabiex taġġorna ruħek dejjem aktar.

“Kellna kors tajjeb fejn kien hemm skrutinju rigoruż, testijiet mediċi u intervista. Dan il-kors tal-korpi ddixxiplinati kien fih 18-il suġġett differenti fosthom anke kors tal-ewwel għajnuna. Suġġetti oħra kienu jinkludu t-taser gun, l-użu tal-forza u l-pepper spray.”

Iż-żewġ membri fil-korp tal-pulizija xtaqu li dan il-kors kien itwal sabiex ikunu jistgħu jidħlu fid-dettall fuq materji ferm sensittivi. Dan il-kors kien twil ġimagħtejn u huma qalu li qatt ma ltaqgħu ma’ wieħed hekk. Kienet ukoll opportunita’ li fiha jitkellmu aktar u jsiru jafu membri oħra tal-korp li tul il-25 sena li kienu biss isellmulhom jew ikellmuhom ħafif. Barra minn hekk kien hemm ċerti dubji li ġew iċċarati u anke membri fi ħdan il-korp tal-pulizija ħadu vantaġġ minn dan il-kors. Għalhekk il-kors kien effettiv u r-riżultat finali ntlaħaq. 

Saqsejna lil Robert u Joanna dwar l-esperjenzi li jiftakru f’dawn il-25 sena ta’ servizz.

“Jien bħala xogħol kont inservi fil-kamra tal-kontroll tal-pulizija fejn kont inwieġeb ammont kbir ta’ telefonati. Il-pubbliku jċempel f’xi mumenti ta’ diffikultà u ssib min jgħidlek grazzi talli tkun smajtu biss. Issib ukoll nies li jkunu f’dipressjoni u jibdew jaħsbu f’ħafna affarijiet koroh. B’telefonata int qed tagħmel id-differenza speċjalment jekk tkun qed tisma’ lit-tali bniedem. Insibu wkoll nies li matul il-lejl ikunu waħedhom u jċemplu sabiex jgħidu kelma. Minkejja li forsi ġieli nkunu mħabbtin, niddedikaw ħin għalihom għax dan hu wkoll valur ferm pożittiv,” qalet Joanna.

“Jien ili 27 sena fil-laboratorju forensiku. Ħafna jassoċjawh ma’ CSI fejn tara ħafna xeni tar-reat li jkun ġara. L-eżamijiet forensiċi jiddeterminaw diversi affarijiet. Ikollok aċċess għax-xena tar-reat u interessanti l-fatt li kull dettall jaf ikun importanti. Jien għandi s-sodisfazzjon li tul il-karriera tiegħi tajt sehem fil-komunità u ħadt ħafna riżultati sbieħ f’xogħli hekk kif flimkien mat-tim tiegħi, irnexxieli nsolvi diversi każijiet,” qal Robert.

Finalment kemm Robert kif ukoll Joanna xtaqu jagħlqu b’appell importanti għal dawk li jixtiequ jkomplu jagħtu servizz lill-korp.

Robert xtaq jitkellem fuq żewġ appelli partikolari. Fl-ewwel appell hu qal li wara 25 sena ta’ servizz leali lejn il-korp, din iqisha bħala esperjenza tad-deheb mhux biss finanzjarjament iżda wkoll iqisha bħala miżura intiża sabiex ikun hemm iktar ħin għall-familja. 

Appell ieħor li Robert xtaq iwassal hu proprju li min mhux fil-pulizija, jitħajjar jidħol fil-korp minħabba li llum il-ġurnata żdiedu ħafna l-opportunità li tavvanza f’dan il-qasam.

“Jekk taħdem u tistinka kif ukoll tagħmel xogħlok kif suppost, għandek opportunitajiet kbar.”

Min-naħa l-oħra, Joanna Vella qalet li wara 25 sena ta’ servizz xtaqet tkompli tagħti s-sehem tagħha f’xogħol li hu ferm għal qalbha. Għalhekk ħeġġet lil ħaddieħor sabiex ma jitlifx din l-opportunita’ speċjalment għax kapaċi jsib bilanċ f’ħajja li kulma tmur qed issir dejjem iktar mgħaġġla.

Ir-rwol ta’ Kuntistabbli ta’ Riserva huwa li jassisti lill-membri l-oħra tal-Korp li huma fuq bażi regolari fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Il-liġijiet, regoli u regolamenti li japplikaw għall-uffiċjali tal-Pulizija regolari, japplikaw ukoll għall-pulizija ta’ riserva. Iżda l-poteri eżekuttivi ta’ Pulizija ta’ Riserva għad-differenza ta’ Pulizija Regolari, huma applikabbli waqt il-ħinijiet tal-qadi ta’ dmirijiethom biss.

Fil-ġimgħat li ġejjin għandha tinħareġ sejħa ġdida tal-Pulizija ta’ Riserva.

Sport