Sid ta’ supermarket ewlieni f’pajjiżna qed jistenna li fi tmiem din il-ġimgħa, l-iskema tal-istabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel tibda tindara billi għad hemm konsumaturi li għadhom ma fehmux il-kunċett ta’ kif se taħdem is-sistema ta’ roħs fil-prezzijiet.
Jonathan Shaw, il-Kap Eżekuttiv ta’ Retail Marketing Ltd., spjega ma’ L-Orizzont li l-andament fl-ewwel jum tal-inizjattiva kien kemmxejn kajman minħabba li l-iskema bdiet il-Ħamis. Madankollu, wera ruħu ottimist li fi tmiem il-ġimgħa l-klijenti se jfittxu dawn il-prodotti u anke jistaqsu dwar ir-roħs li hemm fuqhom.
Is-Sur Shaw beda biex qal li huma diġà jbigħu taħt il-prezz irrakkomandat (RRP) filwaqt li joffru bosta offerti u skonti li minnhom jibbenefikaw il-klienti. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li kien hemm numru ta’ klijenti li riedu jaraw x’se jkunu qed jiffrankaw aktar permezz ta’ din l-iskema.
“Bla dubju li dan il-weekend il-klijenti se jkunu qed iħarsu lejn il-prezzijiet fuq l-ixkafef u t-tikketti ta’ Stabbiltà biswit il-prodotti li hemm f’din l-iskema. Probabbilment se jkun hemm uħud li jifhmux b’mod sħiħ il-kunċett tal-RRP u l-prezz tagħna, u li t-tnaqqis ta’ 15% huwa mill-RRP. Għalhekk jista’ jkun li jkollna xi spjegazzjonijiet x’nagħmlu. Madankollu, li huwa żgur hu li l-kompetizzjoni fis-supermarkets hija pjuttost kbira u għalhekk qegħdin hemm l-iskontijiet,” qal is-Sur Shaw.
Huwa tenna li b’differenza minn ħwienet oħra barranin, supermarkets bħal Welbee’s għandhom ammont kbir ta’ prodotti sabiex joffru għażla u servizz akbar lill-klijenti tagħhom. Fil-fatt, bħala medja għandhom mal-25,000 prodott differenti f’kull supermarket.
“B’kollox għandna disa’ supermarkets u għalhekk kellna ħafna xogħol x’nagħmlu biex l-ewwel jiġu identifikati l-prodotti, isir l-emendar tal-prezzijiet, l-ispejjeż u anke l-immarkar tagħhom fuq l-ixkafef,” tenna jgħid il-Kap Eżekuttiv ta’ Retail Marketing Ltd.
L-iskema li bdiet il-Ħamis li għadda wasslet biex madwar 450 prodott minn 15-il kategorija tal-ikel se jibda jkollhom il-prezz irħas u stabbli għax-xhur li ġejjin, sakemm titħabbar id-data tal-preżentazzjoni tal-Budget 2025. Dawn il-prodotti jistgħu jinxtraw minn aktar minn 400 ħanut li qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.
Fuq is-sit https://stabbilta.gov.mt/product/ hemm il-lista bil-prodotti kollha mdaħħla f’din l-inizjattiva kif ukoll il-ħwienet kollha li qed jipparteċipaw imqassma bil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.