F’għeluq is-sena minn meta bdiet l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa fuq it-territorju Ukren, il-Ministru Ian Borg ippresjeda fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda waqt preżentazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Ukrajna.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ Ian Borg sostna li paċi ġusta u dejjiema hija l-unika soluzzjoni għal dan il-kunflitt u b’hekk Malta se tibqa’ timpenja ruħha biex tara li tkun vuċi dwar l-konsegwenzi li qed jinħolqu mill-aggressjoni Russa.
Il-Ministru Borg spjega kif din l-aggressjoni hija ksur sfaċċat tal-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa kompla billi fakkar kif huwa essenzjali li jkun hemm kontabilità għall-ksur ta’ dawn il-prinċipji, fosthom ġustizzja għall-vittmi ta’ dawn l-attroċitajiet.
Matul dan id-dibattitu, li ġie indirizzat mill-istati membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll numru ta’ stati membri oħra tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, il-Ministru Ian Borg għal darb’oħra tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u sostna kif bħala pajjiż li jemmen fil-multilateraliżmu huwa d-dmir tagħna li nibqgħu niddefendu u nkomplu nippromovu dawn il-prinċipji u l-valuri taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Magħquda.