Is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Malta Food Agency, nedew fażi pilota ta’ ‘Fish Fridays’, li se tibda fl-24 ta’ April. Din hija inizjattiva ġdida li se titwettaq f’numru ta’ skejjel primarji madwar Malta.
Il-fażi pilota se titwettaq f’erba’ skejjel primarji, fejn l-istudenti se jkollhom l-opportunità jipparteċipaw f’sessjonijiet edukattivi qosra dwar in-nutrizzjoni u l-benefiċċji tal-konsum tal-ħut, segwiti minn distribuzzjoni ta’ porzjonijiet ta’ ikel ibbażat fuq il-ħut ippreparat apposta. L-istudenti se jinqasmu f’gruppi biex jiġi żgurat li l-attività titmexxa b’mod effiċjenti u sigur, filwaqt li kull skola se tadotta sistema ta’ rotazzjoni biex tilħaq lill-istudenti kollha.
Din il-fażi pilota se sservi sabiex tiġi evalwata l-ħidma operattiva tal-proġett f’ambjent reali, bil-għan li fil-futur din l-inizjattiva tkun tista’ tiġi estiża għal aktar skejjel madwar il-pajjiż. S’issa saret koordinazzjoni mill-qrib mal-iskejjel parteċipanti sabiex jiġu indirizzati l-aspetti loġistiċi kollha, inkluż il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull sit u l-proċessi relatati mas-sigurtà u l-kunsens tal-ġenituri.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “Il-proġett ‘Fish Fridays’ huwa pass konkret biex nibnu kultura aktar b’saħħitha ta’ konsum ta’ ħut fost it-tfal tagħna, hekk kif madwar 6% biss tat-tfal jikkunsmaw il-ħut b’mod regolari. Din l-inizjattiva mhijiex biss dwar li t-tfal jieklu ħut, iżda biex anke nippromowvu healthy eating u stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu minn età żgħira. Għaldaqstant, kull nhar ta’ Ġimgħa se nkunu qed nidħlu fl-iskejjel biex noħolqu esperjenza edukattiva. Fl-istess waqt se nippromwovu wkoll konsum ta’ speċi ta’ ħut li huma inqas użati, sabiex it-tfal u l-familji jkollhom aktar għarfien dwar varjetà akbar ta’ prodotti lokali, tajbin għas-saħħa u sostenibbli.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li, “Dan huwa proġett li jwassal messaġġ importanti ħafna, anke għalina bħala aġenzija fejn jidħol l-ikel. Flimkien mas-Segretarjat qed naħdmu biex inwasslu messaġġ ċar dwar l-importanza tal-ikel nutrittiv u kif dan jikkontribwixxi għas-saħħa u l-benesseri tal-poplu. Fl-istess waqt, qed nippromwovu l-prodotti tas-sajd lokali u nsaħħu s-sostenibbiltà tas-sajjieda tagħna. Permezz ta’ dan il-proġett qed naslu fil-komunitajiet madwar il-pajjiż biex inqajmu aktar għarfien dwar l-importanza tal-ikel Malti, filwaqt li nħeġġu stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u aċċessibbli għal kulħadd.”
Iċ-Chief Business Development Officer fil-Malta Food Agency Justin John Camilleri qal li, “Din l-inizjattiva tmur id f’id mal-missjoni tagħna li nagħtu valur lill-prodott lokali u lis-sajjieda, filwaqt li nippromwovu l-ikel Malti. Dan huwa proġett innovattiv mibni fuq inizjattivi ta’ suċċess relatati mal-ħalib, il-frott u l-ħaxix, bil-għan li nżidu l-interess tat-tfal lejn il-konsum tal-ħut. Se jkunu qed isiru xi attivitajiet fl-iskejjel li se jkunu appoġġjati minn nutrizzjonisti u chefs professjonali sabiex jispjegaw il-benefiċċji u joffru esperjenza prattika lit-tfal.”
Il-proġett se jibda fl-24 t’April u jkompli matul Mejju f’diversi skejjel madwar Malta, u mistenni jservi ta’ pedament għal inizjattivi edukattivi u ta’ nutrizzjoni fil-futur, filwaqt li jkompli jippromwovi l-valur tal-ħut Malti bħala parti minn stil ta’ ħajja b’saħħtu u sostenibbli.

