Il-Permess Uniku, li jippermetti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu f’pajjiżna, jgħaddi minn proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni. Dan jinkludi verifiki li jiżguraw li verament is-suq tax-xogħol jeħtieġ tali mpjiegi. Jiġi anke evalwat id-disponibbiltà tal-ħaddiema lokali għal tali pożizzjonijiet, l-adegwatezza tal-applikanti, u l-leġittimità ta’ min ser ikun qed iħaddimhom.
Skont evalwazzjoni li saret minn Jobsplus, pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates u food couriers. Konsegwentement, ġie rrakkomandat li jiġu irrifjutati applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta’ xogħol, inklużi dawk ta’ individwi li għadhom barra minn Malta u dawk li jixtiequ jbiddlu lil min iħaddimhom. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq reviżjoni estensiva tas-suq tax-xogħol, inkluża l-analiżi tar-reġistri tal-qgħad u l-postijiet battala ta’ min iħaddem.
Huwa importanti li wieħed jinnota li din il-miżura ma taffettwax lill-ħaddiema attwali f’dawn is-setturi. L-applikazzjonijiet għat-tiġdid ser ikomplu jiġu pproċessati mingħajr interruzzjoni, biex jiġi żgurat li l-impjegati attwali ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. L-għan huwa li jkun hawn stabbiltà u l-kontinwità tal-impjiegi għal dawk li diġà għandhom dawn il-pożizzjonijiet.
Il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol, flimkien ma’ Jobsplus, huwa impenjat li jiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta jkunu protetti minn kull forma ta’ abbuż minn min iħaddimhom. Kull meta jinqalgħu każijiet ta’ abbuż, l-awtoritajiet kompetenti qed jieħdu azzjoni minnufih. Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri enfasizza fil-Parlament li dawk l-entitajiet li qegħdin taħt investigazzjoni għall-isfruttament tal-impjegati tagħhom mhux se jitħallew jirreklutaw ħaddiema barranin addizzjonali sakemm dawn l-investigazzjonijiet jitlestew. Din il-miżura ssaħħaħ l-impenn li qed jieħu dan il-Gvern fejn jidħol id-drittijiet u l-benesseri tal-ħaddiema.
Il-Ministeru jġedded l-appell tiegħu lill-impjegati li jgħaddu minn tali abbuż biex ifittxu l-għajnuna. Jobsplus ser tibqa’ ffukata sabiex iżomm suq tax-xogħol ġust u bilanċjat li jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha filwaqt li jindirizza l-bżonnijiet ta’ min iħaddem u l-ekonomija Maltija.