Friday, April 25, 2025

PAPA LI ĠĠIELED L-BINI TA’ ĦITAN FUQ IL-FRUNTIERI … IL-KARBA TA’ DAWK VULNERABBLI LI MA NSTEMGĦETX

Aqra wkoll

Ma kinitx sorpriża li meta l-Papa Franġisku ġie f’pajjiżna, l-aktar post li ried jiġi fih kien il-Laboratorju tal-Paċi. Kien il-post li sa minn ħafna qabel tħabbret iż-żjara, kien magħruf li meta l-Papa jżur pajjiżna kien se jmur f’dak il-post. Dak hu l-post li offra kenn lil dawk vulnerabbli. Offra kenn lill-persuni li ħallew kollox warajhom biex isibu ħajja aħjar. Post li fih, l-immigranti jgħixu bħal aħwa. L-ebda differenza ta’ reliġjon jew xi ħaġa oħra ma tifridhom. Musulmani, Hindu, Kattoliċi jgħixu fl-istess post. Jieklu flimkien. Anke jitolbu flimkien għalkemm għandhom il-postijiet tagħhom fejn jitolbu. 

Fil-Laboratorju tal-Paċi, li l-Papa Franġisku ma naqasx li jistaqsi lil Patri Dijonisju Mintoff għaliex semma l-post Laboratorju, h sema bis-sofferenzi li għaddew minnhom dawk li jgħixu hemm ġew. L-abbużi li sofrew. Kif biex ifittxu ħajja aħjar, ħallew kollox warjahom u afdaw nies ma jafuhom biex iwassluhom lejn il-post li jaqbdu id-dgħajsa lejn l-Ewropa. Persuni li raw persuni oħra, ħbiebhom u familjari imutu waqt li qed jaqsmu id-deżert tas-Sahara. Raw katavri fl-istess deżert. Spiċċaw ittorturati f’detenzjoni Libjana. Ħarbu billi ħallsu l-flus. Oħrajn spiċċaw skjavi u kellhom jaħdmu xhur twal biex jifdu lilhom infushom.

Ħafna oħrajn kellhom tama kbira kif ittieħdu f’xatt il-baħar biex jaqbdu dgħajsa jew dinghi lejn l-Ewropa. Kien hemm min irnexxielu jasal. Ħafna oħrajn sabu qabarhom fil-Mediterrran. Oħrajn spiċċaw inqabdu mill-Gwardji tal-Kosta Libjani u ttieħdu lura lejn il-Libja. Reġgħu spiċċaw fid-detenżjoni.

Fl-aħħar xhur u snin rajna li minkejja li naqas l-ammont ta’ immigranti li qed jaqsmu qed jirriżulta li dawn l-istess vjaġġi baqgħu qattiela. Qegħdin nitkellmu fuq aktar minn 30,000 persuna li mietu f’għaxar snin. 

Illum qegħdin insegwu it-tħejjijiet tal-funeral ta’ Papa Franġisku. Il-Papa li għamilha missjoni tiegħu li jitkellem favur dawn in-nies u żar postijiet fejn jinżammu. Ma ddejjaqx jagħmel dikjarazzjonijiet iebsa, anke lejn it-tmexxija tal-istami Uniti meta din bdiet pjani ta’ ripatrijazzjoni. 

Imma minkejja appelli għal aktar umanità ma’ dawn il-vulnerabbli, anke mill-istess Papa Franġisku,  bqajna naraw l-Unjoni Ewropea tinforza l-fruntieri tagħha. Politika li għandha diversi għanijiet fosthom dak li tippjana aktar miżuri b’mod partikolari teknoloġiċi biex twettaq aktar kontrolli fil-fruntieri.

Hu fatt li l-politika tal-Unjoni Ewropea mhix qed tipproteġi l-ħajja umana ta’ dawk li jkunu qegħdin jaqsmu l-baħar Mediterran. Anżi qed tpoġġi ħajjiet f’periklu u qed twassal biex jiżdied il-lemin estrem, li issa refa’ rasu sew.

Il-politika ta’ Fortizza Ewropea flok tgħin lil min hu vulnerabbli u żvantaġġġjat, flok toħloq passaġġ sigur, qed toħloq ħitan. Dawn minnhom infihom huma opportunità ġdida biex min min jittraffika isib rotot ġodda, ħafna drabi aktar diffiċli. 

Hemm imbagħad il-każi ta’ immigranti li jiġu interċettati f’nofs ta’ baħar u jintbagħtu lura lejn il-Libja. Jiġi injorat għal kollox il-prinċipju li dawk interċettati għandhom dritt jitolbu għall-ażil f’pajjiż li huma jkunu siguri. Minflok qed jispiċċaw jittieħdu lura fil-pajjiż li minnu jkunu ħarbu. Dwar dan kien anke tkellem Papa Franġisku. Kien appella biex l-immigranti li jkunu salvati ma jerġgħux jintbagħtu lura l-Libja u pajjiżi oħra li mhumiex siguri u li hemm ‘il-vjolenza’.

Papa Franġisku kien talab lill-komunità internazzjonali biex iżżomm il-wegħdiet tagħha” u ssib soluzzjonijiet konkreti u fit-tul biex tirregola n-numru ta’ immigranti fil-Mediterran kollu.”

Hu kien appella għal leġiżlazzjoni li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża u li trid tipprovdi “alternattiva għad-detenzjoni, kif ukoll proċeduri legali ta’ immigrazzjoni u ażil.”

Franġisku għamel appell wara appell.  Żar Lampedusa. Għaddew is-snin u llum il-karbiet tal-immigranti għadhom l-istess.

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea jekk verament trid issir umana u tgħix is-solidarjetà – il-prinċipju li fuqu hi mwaqqfa, għandha tieħu l-messaġġ li dejjem imbotta Papa Franġisku. Dak li tirbaħ l-umanità f’dak li jkun qed isir. Li jinħolqu passaġġi siguri. Passaġġi siguri li joffru futur aħjar lil dawn il-persuni mingħajr ma jkollhom għalfejn jieħdu ir-riskji li qed jieħu llum biex jaqsmu l-Mediterran.

It-tama issa hi li dawn il-messaġġi umani ta’ Papa Franġisku, jitkomplew minn dak li se jkompli bil-ħidma warajh. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport