Friday, December 27, 2024

Parkeġġ biswit il-Knisja Parrokkjali tar-Rabat ser jinbidel f’żona pedonali għall-pubbliku

Aqra wkoll

Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet biex dak li kien parkeġġ biswit il-Knisja Parrokkjali tar-Rabat tinbidel f’żona pedonali biex titgawda mill-pubbliku.

B’investiment konġunt ta’ €850,000 bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta, il-proġett jinkludi disinn u installazzjoni ta’ pavimentar ġdid, tisbiħ taż-żona msemmija, installazzjoni ta’ dawl ġdid biex itejjeb l-estetika tal-madwar kif ukoll l-installazzjoni ta’ bankijiet ġodda. Il-proġett mistenni jkun lest f’Ġunju ta’ din is-sena.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Chris Bonett, flimkien mas-Sindku tar-Rabat Sandro Craus u rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Infrastructure Malta u l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Il-Ministru Clayton Bartolo ddikjara li dan huwa proġett kapitali ieħor li permezz tiegħu pajjiżna qiegħed ikompli jaġġorna l-prodott turistiku tiegħu. “Ir-Rabat għandha potenzjal kbir fejn jidħol il-qasam tat-turiżmu kulturali u dak reliġjuż. Huwa bix-xieraq li nkomplu ninvestu biex il-kompetittività tal-Gżejjer Maltin tkompli tissaħħaħ għaż-żmien li ġej,” saħaq il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Chris Bonett sostna li proġetti bħal dawn se jibqgħu jingħataw prijorità għaliex minnhom dejjem tgawdi l-komunità. “Din ir-riġenerazzjoni ta’ żona li qabel kienet tintuża għall-użu tal-karozzi issa se tkun qed toffri spazju miftuħ li jitgawda kemm mir-residenti kif ukoll mill-ħafna turisti li jżuru din iż-żona matul is-sena kollha. Kommessi li nkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħna li niffukaw ix-xogħlijiet infrastrutturali li jgħollu l-valur estetiku ta’ kull raħal filwaqt li joffru spazji ta’ serħan għal min iżurhom,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Ekonomija

Sport