– Tlestiet il-manifattura tal-cable ta’ taħt il-baħar twil mija u tliet (103) kilometri fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston, l-Istati Uniti.
– Tlesta b’suċċess programm estensiv ta’ testijiet fil-fabbrika biex tiġi żgurata l-integrità operattiva tal-cable.
– Il-cable tpoġġa b’mod sigur fuq carousel apposta u issa jinsab lest biex jitgħabba fuq il-bastiment sabiex imbagħad jitqiegħed taħt il-baħar aktar tard din is-sena.
Il-proġett tat-tieni konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2) laħaq tragward ieħor bit-tlestija tal-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta’ taħt il-baħar.
Il-manifattura tal-cable ta’ vultaġġ għoli tlestiet fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston, fl-Istati Uniti, wara proċess estensiv ta’ produzzjoni li kien mifrux fuq sena sħiħa.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, qalet:
“Dan huwa pass sinifikanti fit-twettiq tal-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. It-tlestija b’suċċess tal-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta’ taħt il-baħar, flimkien mat-tlestija tal-preparamenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jitpoġġa, teħodna pass ieħor lejn il-fażi tal-installazzjoni. IC2 huwa investiment strateġiku li se jsaħħaħ il-konnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew, iżid ir-reżiljenza tas-sistema, jiffaċilita aktar integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jikkontribwixxi għall-għanijiet fit-tul tal-pajjiż fit-tranżizzjoni tiegħu lejn id-dekarbonizzazzjoni,” qalet il-Ministru Dr Miriam Dalli.
Il-proċess tal-manifattura kien jinvolvi diversi stadji speċjalizzati. Dan beda bil-produzzjoni tal-cables tal-fibre optic fin-Norveġja u l-manifattura tal-partijiet tar-ram fil-forma u d-daqs meħtieġ. Wara li tlestew il-partijiet tal-insulazzjoni u s-saffi protettivi, it-tliet fażijiet tal-cable ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-cable sħiħ. Sussegwentement sar il-proċess tal-azzar, li jagħti lill-cable s-saħħa strutturali u l-protezzjoni mekkanika meħtieġa għall-installazzjoni taħt il-baħar u għall-operat tiegħu.
Il-cable ġie mmanifatturat f’sezzjonijiet ta’ madwar għaxar kilometri l-waħda, li ġġantu fil-fabbrika biex jiffurmaw żewġ tulijiet prinċipali. Waħda minn dawn tinkludi wkoll il-cable ta’ riżerva li se jinżamm Malta biex ikun jista’ jintuża f’każ ta’ emerġenza jew għal xogħlijiet ta’ tiswija fil-futur.
Tul il-proċess kollu, u b’mod partikolari fi tmiemu, il-cable għadda minn sensiela rigoruża ta’ testijiet sabiex jiġu vverifikati l-ogħla standards ta’ kwalità, prestazzjoni u affidabbiltà. Wara li tlestew dawn il-proċeduri, il-cable tqiegħed b’attenzjoni fuq carousel apposta, biex ikun jista’ jiġi trasportat b’mod sigur meta jitgħabba fuq il-bastiment aktar tard din is-sena.
Fil-fażi li jmiss issa l-cable mistenni li jitgħabba fuq in-Nexans Electra, il-bastiment il-ġdid li permezz tiegħu se jitqiegħed taħt il-baħar. It-tnedija ta’ dan il-bastiment avvanzat tirrappreżenta żvilupp ieħor importanti għat-tieni interconnector u se tippermetti li l-installazzjoni ssir b’mod effiċjenti u preċiż aktar tard din is-sena.
Dan il-progress kien possibbli wkoll grazzi għat-tlestija b’suċċess tax-xogħlijiet ta’ tindif u preparazzjoni tar-rotta marittima, li ntemmu l-ġimgħa li għaddiet. B’hekk li l-kuritur fejn se jiġi installat il-cable huwa ħieles minn kull ostaklu u periklu.
“Kburin li qed naħdmu ma’ msieħba internazzjonali ewlenija biex inwasslu infrastruttura li ssaħħaħ is-sigurtà tal-elettriku ta’ Malta. It-tlestija tal-manifattura u l-ittestjar estensiv tal-cable ta’ taħt il-baħar twil mija u tliet (103) kilometri fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston tirrappreżenta kisba teknika u loġistika importanti fit-twettiq tal-proġett”.
“It-tlestija tax-xogħol preparatorju marbut mar-rotta marittima u t-tnedija tan-Nexans Electra jagħtuna l-kunfidenza biex nimxu għall-fażi li jmiss, jiġifieri t-tqegħid tiegħu taħt il-baħar aktar tard din is-sena. Dawn il-passi jirriflettu l-livell għoli ta’ koordinazzjoni u kompetenza fost l-imsieħba kollha tal-proġett hekk kif qed noqorbu iktar sabiex inlestu din l-infrastruttura strateġika tant importanti għall-pajjiż,” qal il-Maniġer tat-Taqsima tad-Disinn u l-Awtomatizzazzjoni ta’ InterConnect Malta, Dott. Inġ. Joseph Vassallo.
Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika” fil-Programm 2021–2027. L-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta’ €261 miljun.

