Il-Jum Dinji ddedikat lill-persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja jkun ċelebrat proprju għada. B’rikonoxximent lejn dawn in-nies li għandhom din il-kundizzjoni, madwar id-dinja jiġu organizzati diversi ativitajiet biex tkompli tikber il-kuxjenza dwar din il-kundizzjoni u jingħata tagħrif id-dimensja u minn fejn tiġi kkawżata. B’hekk tonqos l-istigma li kultant tintefa’ fuq min għandu din il-kundizzjoni.
F’Malta wkoll jidher li kiber l-għarfien dwar din il-kundizzjoni tant li ttieħdu u għadhom jittieħdu miżuri biex tagħmel il-ħajja aħjar ta’ dawn il-persuni, l-aktar dawk anzjani. Id-dimensja mhix xi ħaġa li tiġi spjegata jew ikkurata faċilment, għalhekk teħtieġ aktar attenzjoni u apprezzament għall-mod kif jiġu trattati dawn il-każijiet. Għaliex ħafna drabi dawk li jbatu mid-dimensja jsiru persuni sensittivi ħafna.
Klinikament, huwa ċar li d-dimensja mhix marda, iżda sintomu ta’ diversi kundizzjonijiet li jaħkem il-moħħ, li jwassal ukoll għad-diġenerazzjoni ta’ ċertu attivitajiet tal-moħħ, fejn il-persuna jkollha l-aktar problema ta’ memorja u wkoll diffikultà ta’ ffokar.
Ftit ilu kien sar studju li wera li l-pressjoni għolja, id-dijabete, piż żejjed, tipjip u xorb eċċessiv kollha jżid r-riskju ta’ dimensja. Għalhekk ikun għaqli jekk kif diġà sar, ikomplu jsiru kampanji ta’ għarfien ta’ x’attivitajiet wieħed għandu jinvolvi ruħu fihom biex kemm jista’ jkun inaqqas dan ir-riskju.
F’dan il-kuntest, ikun għaqli wkoll jekk ikomplu l-kampanji kontra t-tipjip tat-tabakk u anke ta’ ċertu vapes. Fil-fatt, dawn tal-aħħar qed ikunu wkoll investigati f’pajjiżi oħra barranin, qed jilleġiżlaw biex jipprojbixxu t-tipjip ta’ sigaretti elettroniċi. F’pajjiżna għandna naslu għal din il-miżura?. Is-soluzzjoni dwar dan mhijiex waħda faċli.
Naqblu wkoll mal-inizjattiva tad-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja li jxerred aktar informazzjoni dwar din il-kundizzjoni u għalhekk mil-lum sa nhar is-Sibt li ġej se jittella’ stand quddiem il-parlament bil-għan li jxerred aktar informazzjoni mingħand professjonisti f’dan il-qasam.
Irridu niftakru li persuni bid-dimensja huma qabel kollox persuni bħal kull wieħed u waħda minna. Persuni li jixraqilhom kull rispett mis-soċjetà inġenerali.