Sunday, November 24, 2024

Playcon jinsab lest sabiex jilqa’ aktar minn 20,000 parteċipant

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi ħabbar li Playcon jinsab lest biex jilqa’ aktar minn 20,000 parteċipant f’avveniment importanti għal dawk interessati fl-industrija tal-logħob diġitali u l-esports. Dan l-avveniment, li se jsir bejn l-24 u s-27 t’Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali, huwa indikazzjoni ċara tal-potenzjal ekonomiku tas-setturi ekonomiċi ġodda tal-video game development, esports, u t-teknoloġiji tal-virtual u augmented reality, li qed jiżviluppaw f’Malta.

Il-Ministru Silvio Schembri enfasizza l-importanza li dawn l-industriji qed jgħaqqdu fl-ekonomija lokali, fejn huma meqjusa bħala setturi li qed jikbru b’rata mgħaġġla u qed joħolqu karrieri ta’ kwalità, ħafna minnhom okkupati minn Maltin. Dan sar possibbli grazzi għall-investiment fl-edukazzjoni, b’programmi bħall-korsijiet f’Unity fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta, li qed iħejju studenti għal dawn l-opportunitajiet ġodda.

Il-preparamenti finali għal Playcon jinkludu 7,500 metru kwadru ta’ esebizzjonijiet interattivi minn sittin esebitur, fosthom ismijiet internazzjonali bħall-Ubisoft u Kwalee. Dan il-festival diġitali mhux biss se jservi ta’ pjattaforma għall-eluf ta’ studenti—3,000 minnhom diġà rreġistrati—imma se jkun ukoll miftuħ b’xejn għall-pubbliku nhar is-Sibt u l-Ħadd, biex aktar nies jistgħu jesploraw din l-ekosistema ekonomika ġdida f’Malta.

L-industriji ġodda bħal dawn qed joħolqu mhux biss impjiegi b’pagi tajbin, iżda wkoll qed isaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru importanti f’dawn it-teknoloġiji ġodda, b’enfasi fuq tkabbir sostenibbli fl-ekonomija diġitali tal-pajjiż.

Playcon se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku ġenerali nhar is-Sibt, 26 u l-Ħadd, 27 t’Ottubru mill-10:30am sas-19:00pm. Għal aktar dettalji żur www.playcon.mt.

Sport