Sunday, November 24, 2024

Player tal-Afrika t’Isfel maqtul

Aqra wkoll

Il-player tal-football tal-Afrika t’Isfel, Luke Fleurs, 24 sena, inqatel b’tiri ta’ pistola fi ħtif ta’ karozza, qalet il-pulizija.

L-isparatura seħħet f’pompa tal-petrol nhar l-Erbgħa bil-lejl fis-subborg ta’ Johannesburg, fi Florida.

L-istilla ta’ Kaizer Chiefs ta’ 24 sena kien qed jistenna li jingħata attenzjoni meta ġie avviċinat minn irġiel armati mhux magħrufa, li ordnawlu joħroġ mill-vettura.

Wieħed mis-suspettati huwa rrappurtat li ħarab minn fuq il-post bil-karozza ta’ Fleurs wara l-isparatura.

“Is-suspettati ppuntawlu arma tan-nar u ħarġuh mill-vettura tiegħu, imbagħad spa­rawlu darba fuq in-naħa ta’ fuq tal-ġisem,” qal lill-midja lokali kelliem għall-pulizija ta’ Gauteng, il-Logutenent Kurunell Mavela Masondo.

Kaizer Chiefs, wieħed mill-aktar clubs popolari fil-pajjiż u 12-il darba champions tal-kampjonat, iddeskriva l-mewt tiegħu bħala “traġika”.

Il-Ministru għall-Isport, Zizi Kodwa, qal li jinsab “imnikket li ħajja oħra ġiet imqas­sra minħabba reati vjolenti”.

L-eks internazzjonali ta’ taħt it-23 sena rrap­preżenta lill-Afrika t’Isfel fl-Olimpjadi ta’ Tokyo fl-2021.

Sport