Tuesday, March 11, 2025

POLITIKA BARRANIJA

Aqra wkoll

Regolarment matul is-snin, titqajjem il-mistoqsija dwar kemm il-Maltin jinteressaw ruħhom fl-avvenimenti li jiġru barra, fil-politika barranija. Mhux l-ewwel darba, diplomatiċi f’ambaxxati barranin hawn osservaw kif il-Maltin ftit isegwu xi jkun qed jiġri barra xtuthom, jew ftit jimportahom minnu.

Niddubita kemm tista’ tgħid li din hi xi ħaġa unika għal pajjiżna, jew tfissirha billi tgħid li tiġri għax hu ċkejken ħafna u allura l-ħajja tingħex f’gaġġa provinċjali. Niftakar l-ewwel darba li mort New York u segwejt l-aħbarijiet u l-programmi tat-televixin hemmhekk. Bqajt skantat kif fihom ma kien jidher xejn dwar xinhu jiġri barra mill-Istati Uniti (fi żmien meta kien qed iseħħ taqlib internazzjonali kbir) u ftit li xejn dwar il-bqija tal-istess Stati Uniti.

Xorta, in-nuqqas ta’ interess tal-Maltin fl-iżviluppi internazzjonali hu ta’ min jiddeplorah. Fiċ-ċokon tagħna u fil-ftuħ li s-soċjetà Maltija trid turi lejn xinhu jiġri barra, jeħtiġilna nkunu attenti għal kull ċaqliqa internazzjonali importanti li taffettwa l-qagħda tagħna. Dan ma japplikax biss għal min qiegħed imexxi, imma għaċ-ċittadini kollha li malajr jistgħu jintlaqtu b’li jkun għaddej fl-Ewropa u lil hinn minnha.

PRIORITAJIET…

L-Ewropej m’għandhomx biss quddiemhom l-isfida ta’ kif se jsostnu s-sigurtà u d-difiża tagħhom hekk kif l-alleanza tan-NATO bdiet izzappap bil-kbir.

Jekk wieħed iqis is-suġġetti li kienu fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea mill-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, mill-istaġnar li żviluppa fil-politika Franciża u mill-aħħar elezzjonijiet fil-Ġermanja, isib li kienu dawn il-materji li qanqlu dibattitu u kontroversja: l-immigrazzjoni; il-kompetitività tal-Ewropa li qed tittiekel; il-piżijiet li l-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima qed iġġib magħha; l-għoli tal-ħajja u f’ċerti pajjiżi, iż-żieda fil-prezz tal-kirjiet u l-inċertezzi dwar pensjonijiet…

Għal miljuni ta’ Ewropej, dawn huma prioritajiet essenzjali. Magħquda mal-ħtieġa ta’ sigurtà u difiża, kif se jiġu ssettjati l-prioritajiet?

KALKOLI PRIVATI

L-eżempju li reġa’ ġej mill-Istati Uniti hu li t-tmexxija publika tista’ ssir qisha kienet waħda fis-settur privat: Jekk hemm spejjeż żejda f’qasam jew ieħor, aqbad u qaċċat. Elon Musk il-biljunarju li n-nies jarahom dubbien qed imexxi dil-ħidma.

Laqatni madankollu element ta’ kif qed jagħmel dal-qtugħ. Qajmuh eks-Kummissarji tat-Taxxi li servew taħt Presidenti Republikani u Demokratiċi. Musk u t-tim tiegħu inkarigat minn kif “isalva” l-flus, qaċċat ħafna impjiegi fis-servizzi li jiġbru t-taxxi federali. Imma l-ebda azjenda privata ma tibda f’hekk, billi tipparalizza d-dipartiment finanzjarju li hu nkarigat milli jiġbor il-flus li għandha tirċievi. Dan iwassal biex fi żmien kritiku, l-azjenda tibda ddaħħal flus anqas. L-eks Kummissarji wissew li dan se jiġri bit-tqaċċit li ordna Musk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport