“Politika li se toffri direzzjoni ċara lill-pajjiżna.” Hekk stqarr il-Prim Ministru Dr Robert Aebala fit-tnedija tad-dokument konsultattiv ta’ Viżjoni Malta 2025 li saret illum fil-foss taċ-Ċitadella f’Għawdex.
Il-Prim Ministru qal li din il-viżjoni hemm imdaħħal fiha kulħadd, anke l-Oppożizzjoni li tista’ f’dawn il-25 sena li ġejjin tkun qiegħda tmexxi lil dan il-pajjiż. Dr Abela stqarr li din l-idea li bdiet waqt il-pandemija, se tkun qiegħda tbiddel il-mod ta’ kif issir il-politika f’pajjiżna fejn konna mdorrijiet dejjem f’termini ta’ leġiżlatura.
Qal li sal-lum, il-pajjiż kien ikun imexxi skont il-programmi elettorali tal-partit li jkun rebaħ l-elezzjoni ġenerali, iżda issa b’din il-viżjoni se jkun hemm linja gwida ta’ fejn kull Gvern irid jieħu lil dan il-pajjiż f’dawn il-25 sena li ġejjin.
Stqarr li minkejja li dan id-dokument hu fuq 25 sena, xorta waħda hemm il-flessibilta biex kull Gvern tal-ġurnata jkun jista’ jara ċ-ċirkostanzi ta’ dakinhar. Semma kif pajjiżna fl-aħħar snin għadda minn maltempti kbar fosthom il-pandemija u anke l-gwerew li ħallew impatt kbir fuq il-pajjiż. “Jekk ikun hemm ċirkostanzi bħal dawn allura wieħed ikollu l-flessibillita li jwieġeb skont l-aħjar għal dawk iċ-ċirkostanzi,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.