Pollakk ta’ 27 sena tressaq fil-Qorti b’rabta mal-mewt ta’ Marokkin ta’ 31 sena f’San Ġiljan.
Sebastian Malinowski ġie mixli bil-qtil ta’ Abdellatif Oumakhlouf, li kkaġunalu offiża gravi li biha ġrat il-mewt tal-istess vittma u li rrenda ruħu riċediv.
L-Ispettur Stephen Gulia spjega fil-Qorti li nhar is-27 ta’ Settembru 2026, għall-ħabta tas-6.30 a.m., il-Pulizija kienu infurmati li fi ġnien f’San Ġiljan kien hemm persuna b’xi feriti f’rasu.
Fuq il-post irrikorrew il-pulizija u anke ssejħet għal ambulanza, fejn ġie nnutat li din il-persuna feruta kienet fil-fatt tilfet ħajjitha.
Il-pulizija bdew minnufih bl-investigazzjonijiet fuq il-post u ġew mitkellma diversi xhieda okulari kif ukoll bdew jiġu analizzati filmati tas-CCTV fejn irriżulta li ftit tal-mumenti qabel ġiet imsejħa l-pulizija, kien hemm persuna maskili f’dan il-ġnien li kienet involuta f’argument kemm b’mod verbali u sussegwentement fiżiku fil-konfront tal-vittma.
Il-Pulizija kellha wkoll ritratti u deskrizzjoni ta’ dan il-persuna suspettata involuta f’dan l-inċident u bdiet tfittxija għalih fl-akwati.
Intqal li kien hemm xhieda li bdew ukoll jieħdu xi filmati ta’ dan il-persuna. L-Ispettur Gulia kompla jispjega li għall-ħabta tat-8.00 a.m., ġew infurmati mill-pulizija tal-RIU li dan il-persuna ġie misjub fil-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan, li kien għadu liebes l-istess ħwejjeġ li kellu fuqu fl-allegat inċident.
Dan il-persuna ġie identifikat bħala Sebastian Malinowski, li ġie mogħti drittijiet legali tiegħu u kien arrestat. Huwa kien ukoll ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
L-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Christina Delia, Stephen Gulia u Kelsey Bugeja.
