West Ham ħasdu lil Arsenal biex irreġistraw it-tielet rebħa nfila tal-Premier League meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0, fl-Emirates Stadium.
B’din it-telfa, il-Gunners fallew iċ-ċans li jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika biex baqgħu żewġ punti taħt il-leaders Liverpool.
Ironikament, il-Hammers skorjaw żewġ goals mit-tliet xuttijiet li nkwadraw fil-lasta filwaqt li Arsenal fallew milli jiskorjaw mit-30 xutt li ndirizzaw lejn il-lasti.
Il-Hammers fetħu l-iskor minn Tomas Soucek (13) liema goal ġie vverifikat mill-VAR minħabba li seta’ mar barra qabel ma Jarrod Bowen għadda l-ballun lejn l-iskorer.
Imbagħad fil-55 minuta, il-Hammers irduppjaw mill-eks player ta’ Arsenal, Konstantinos Mavropanos.
Fil-ħin miżjud, West Ham setgħu skorjaw it-tielet goal meta ngħataw penalty iżda Said Benrahma ra lill-goalkeeper, David Raya, jilqa’ t-tentattiv tiegħu.
Fil-partita l-oħra, Brighton għelbu lil Tottenham bl-iskor ta’ 4-2, bil-goals jaslu minn Jack Hinshelwood (11), Joao Pedro (23 pen, 75 pen) u Pervis Estupinan (63) filwaqt li għal Spurs skorjaw Alejo Veliz (81) u Ben Davies (85).