Friday, May 3, 2024

L-APPELLI LI WASLU BI ĦTIEĠA LI ĦADD MA JILLAXKA

Aqra wkoll

Il-ħajja prezzjuża u għalhekk inħarsu lejn dan l-aħħar Milied b’għajn ta’ sodisfazzjon li l-appelli tal-awtoritajiet instemgħu u dawk l-inċidenti li kienu jibdew bihom il-bulettini tal-aħbarijiet ta’ l-għada sa ftit tas-snin ilu, din is-sena fortunatament ma kellniex minnhom.

M’hemmx għalfejn immorru lura ħafna snin biex niftakru f’persuni li kienu jiġu kuntattjati mill-awtoritajiet biex jagħmlu l-appelli tagħhom filwaqt li jaqsmu l-esperjenzi personali li setgħu swewlhom ħajjithom fil-lejl tal-Milied. 

Bħala xandara tal-aħbar, aħna nemmnu li huwa riżultat sodisfaċenti mmens li mhux biss ma kellniex dawk l-inċidenti li fihom persuni jindarbu serjament jew saħansitra jintilfu l-ħajjiet, imma lanqas kellna każi ta’ inċidenti li fihom persuni jkollhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura. 

Ninnutaw b’sodisfazzjon li l-ammont ta’ karozzi fit-toroq kien wieħed ferm aktar baxx u li ħafna minn dawk li kienu qegħdin jivvjaġġaw kienu nies għaddejjin b’ħidma biex iwasslu persuni oħra b’servizz li huwa effiċjenti u fl-istess waqt sigur għal dawk li jagħmlu użu minnu u għall-bqija taċ-ċittadini. Jidher li l-appell li jekk se tixrob issuqxdin id-darba ingħta kasu.

Il-kampanja ma kinitx biss dik ibbażata fuq l-appelli u nifhmu wkoll li parti oħra kruċjali mis-suċċess tagħha kienu wkoll l-ispezzjonijiet li minkejja li fihom kienu involuti diversi uffiċjali, dawk li ġew imħarrka kienu mill-inqas u dawk li nstabu li qegħdin jiksru r-regolamenti tat-traffiku b’mod serju kienu waħdiet. 

Transport Malta, min-naħa tagħha waqqfet 83 karozza fil-lejl tal-24 ta’ Diċembru u fl-ewwel sigħat tal-Milied u minnhom kien hemm 17-il kontravenzjoni li nħarġu fil-konfront tas-sewwieq. Żewġ vetturi bi pjanċi barranin kellhom jiġu konfiskati minħabba ksur serju tar-regolamenti. 

Għalkemm illum qegħdin niktbu dwar dak li assistejna għalih fil-ġranet tal-Milied, jeħtieġ li ħadd ma jillaxka u jissogra f’xi jum ieħor li huwa mniżżel fil-kalendarju bħala wieħed li jżid il-probabbiltà tal-inċidenti.

Qegħdin nirreferu għal-lejlet l-ewwel tas-sena, il-lejl li fih suppost ningħaqdu biex niċċelebraw it-tmiem ta’ sena mimlija esperjenzi li jistgħu jvarjaw minn tarf sa ieħor bil-pożittività u n-negattività kollha li setgħu ġabu magħhom u nilqgħu oħra ġdida filwaqt li nittamaw li tkun waħda aħjar minn ta’ qabilha.  

Xi kultant jista’ jidħol id-dubju ta’ dak li jkun li tiġih it-tentazzjoni jgħidlek li jekk isuq hu wara xi lejl twil ta’ ċelebrazzjoni jista’ jiffranka xi ħaġa tal-flus, anke fid-dawl tal-fatt li f’dawn il-ġranet kulħadd donnu jonfoq ftit iktar mis-soltu anke jekk il-limitazzjonijiet ta’ dak li jkun ivarjaw minn persuna għal oħra. 

Imma kemm hu tajjeb li niftakru li aħjar uff milli aħħ u kemm tista’ tiġik għolja kemm għalik, għall-għeżież tiegħek u għal persuni oħra li jistgħu jkunu għaddejjin fi triqthom lejn darhom jiċċelebraw.

Dawn l-affarijiet ġraw u m’hemm l-ebda garanzija li ma jistgħux jerġgħu jiġru. Kulħadd għandu dritt jiċċelebra, imma xi kultant sfortunatament ikollok min jinsa li d-dritt iġib miegħu responsabbiltà u m’aħniex ngħidu biss għal dawk li forsi jixorbu xi żewġ grokkijiet iżjed mis-soltu. L-imġiba tiegħek tirrifletti l-karattru tiegħek. Irrispetta lilek innifsek u lil ta’ madwarek, mhux f’dawn iż-żminijiet biss, imma f’kull jum tas-sena.

Sport