Wednesday, July 24, 2024

Serie A: Mil-lum jintlagħab l-aħħar programm tas-sena 2023

Aqra wkoll

Meta jintlagħab l-aħħar programm ta’ din is-sena kalendarja tas-Serie A, l-aktar partita li se tiġbed attenzjoni hija bla dubju, dik bejn Juventus u Roma filwaqt li l-leaders Inter għandhom partita mill-aktar delikata għand Genoa. 

Min-naħa l-oħra, Milan jilqgħu lil Sassuolo fejn ma jistgħux ifallu minħabba li jkun ifisser it-tkeċċija tal-coach Stefano Pioli. 

Juventus v Roma – Juventus jospitaw lil Roma f’dik li hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa. 

Iż-żewġ timijiet jinsabu f’forma tajba hekk kif mill-aħħar sitt ħarġiet kważi għandhom l-istess rekord … erba’ rebħiet u żewġ draws għal Juventus u tliet reb­ħiet, telfa u żewġ draws għal Roma. 

Iżda l-Giallorossi se jin­żlu għal dan il-konfront b’mo­ral mill-aktar għoli minħabba li ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq iċ-cham­pions renjanti, Napoli. 

Min-naħa tal-Bianconeri, dawn kellhom jitħabtu biex għelbu lil Frosinone 2-1. 

Iżda dak li jimporta huwa t-tliet punti biex baq­għu jżommu l-kuntatt mal- leaders Inter li għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fil- quċċata. 

Dan se jkun id-90 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fil-belt ta’ Turin fejn Juventus rebħu 58 darba filwaqt li Roma rebħu biss disa’ darbiet.

L-ebda team ma jaffordja  jfalli l-punti għal raġunijiet ovvji – Juventus biex jib­qgħu fl-isfida għar-rebħ tat-titlu filwaqt li Roma jri­du jidħlu fiż-żona tal-UEFA Champions League.  

Genoa v Inter – Inter      imorru jilagħbu għand Genoa u jridu jkunu fl-aqwa forma tagħhom biex joħorġu bit-tliet punti … konxji mill-fatt li f’nofs dan ix-xahar, l-istess Ge­noani żammew fi draw lil Juventus bl-iskor ta’ 1-1. 

Forsi n-Nerazzurri jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti minħabba l-konsis­tenza tagħhom fejn l-aħħar darba li sofrew telfa kienet 12-il partita ilu, eżattament fis-27 ta’ Settembru, bl-is­kor ta’ 2-1 f’darhom kontra Sassuolo. U f’dawn l-aħħar 11-il ħarġa tagħhom ġew miżmuma darbtejn biss. 

Barra minn hekk, huma jistgħu jibbilanċjaw ir-rekord tagħhom fil-Marassi meta minn 55 partita, Genoa rebħu 18 filwaqt li Inter rebħu 17.

Iżda kull logħba fiha l-istorja tagħha u għaldaqstant l-Interisti jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom. 

Telfa għalihom tiftaħ beraħ l-isfida tat-titlu.

Milan v Sassuolo – Milan, li jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, jilqgħu lil Sassuolo fejn huma mpe­rattiv li joħorġu rebbieħa.

It-tielet pożizzjoni tagħ­hom mhijiex waħda stabbli għax filwaqt li jinsabu distakkati 11-il punt mir-rivali eterni, Inter, huma jinsabu biss tliet punti mit-team li jinsab fil-ħames post, Fio­rentina.  

Barra minn hekk, il-coach Stefano Pioli, jinsab taħt il-mikroskopju tad-diriġenti Rossoneri u mal-iċken skoss se jintwera l-bieb ta’ barra … fejn jidher ukoll li bdew it-taħditiet biex jin­ħatar is-suċċessur tiegħu. 

Rebħa żżomm lil Pioli mdendel b’mod temporanju. 

.

Ekonomija

Sport