Sunday, December 22, 2024

Premier Ingliż: Liverpool jilqgħu lil Man Utd fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Il-logħba l-kbira tas-17-il ġurnata tal-Premier Lea­gue Ingliż se tintlagħab għada filgħaxija meta f’Anfield jiltaqgħu Liverpool u Manchester United li bħalissa jinsabu distakkati b’10 punti favur il-ġganti ta’ Mersey­side.

Nistgħu ngħidu li fl-aħħar sitt logħbiet tal-kampjonat iż-żewġ timijiet kellhom rekord viċin ta’ xulxin għax waqt li Liverpool rebħu erba’ logħbiet u ġew draw fit-tnejn l-oħra, il-United reb­ħu erbgħa wkoll u tilfu t-tnejn l-oħra li jfisser li d-differenza tal-punti mirbuħa fl-aħħar sitt ħarġiet kienet kważi simili: Liverpool rebħu 14-il punt u l-United 12.

Iżda f’dik li hija konsis­tenza l-United qatgħu lura dan l-istaġun meta dan qed jitqies li huwa l-agħar wieħed għal żmien twil inkluż iċ-Champions League meta din hija l-ewwel darba li spiċċaw l-aħħar fil-grupp tant li anke ma għaddewx għall-Europa League.

Il-United se jkunu mingħajr il-captain, Bruno Fernandes, minħabba li huwa sospiż bil-ħames karta safra.

Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin għax imweġġa’ iżda logħba bejn dawn iż-żewġ rivali ostili dejjem tkun mistennija fejn f’din ta’ għada Jurgen Klopp irid iżomm il-quċċata waqt li Erik ten Hag għandu postu mhedded tant li anke qed jissemma’ Graham Potter biex jeħodlu postu.

Arsenal se jkunu fl-Emirates Stadium biex jilqgħu lil Brighton li huma wkoll distakkati b’10 punti minnhom. Iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati pożittivi fl-Ewropa fejn il-Gunners ġew draw 1-1 ma’ PSV f’Eindhoven waqt li s-Seagulls għelbu lil Marseille 1-0 f’darhom, bit- tnejn jispiċċaw l-impenji tagħ­hom fil-gruppi fil-quċċata.

Arsenal ġejjin minn erba’ rebħiet u żewġ telfiet mill-aħħar sitt logħbiet waqt li l-forma ta’ Brighton marret lura meta ħadu żewġ rebħiet u tliet draws u sofrew telfa tant li bħalissa jinsabu fit- tmien post.

Iċ-champions Manchester City, li għalqu l-impenji tagħhom fiċ-Champions Lea­gue b’punti massimi fil-grupp, se jkunu fl-Etihad biex jilqgħu lil Crystal Pa­- la­ce.

Bħalissa s-City jinsabu fir-raba’ post meta ġejjin minn żewġ rebħiet, tliet draws u telfa waqt li jinsabu fir-raba’ post erba’ punti wara l-leaders.

Il-Palace ħadu rebħa u draw mill-aħħar sitt logħbiet meta jinsabu fil-15-il post, seba’ punti fuq iż-żona l- ħamra.

B’Nottm Forest u Tottenham lagħbu l-bieraħ, illum hemm programm ta’ ħames logħbiet fejn Bournemouth, li jinsabu f’forma tajba u ġejjin minn rebħa stupenda ta’ 3-0 fuq Manchester Uni­ted f’Old Trafford, ikunu f’darhom kontra Luton Town li qed isibuha diffiċli mindu f’Mejju telgħu miċ-Cham­pionshio u qed jesperjenzjaw l-ogħla diviżjoni wara 32 sena.

Fi Stamford Bridge, Chelsea se jiltaqgħu kontra t- team tal-qiegħ, Sheffield United f’logħba li fuq il-karta tidher li m’għandhomx ifal­lu, waqt li Newcastle, li ġew eliminati miċ-Cham­pions League jiltaqgħu kontra t-team fil-forma, Fulham, li l-aħħar żewġ logħbiet reb­ħuhom 5-0 kontra l-Forest u West Ham.

Il-logħba ta’ filgħaxija tlaqqa’ lil Burnley u Everton b’dawn qed igawdu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq il-Clarets meta ġejjin minn tliet reb­ħiet konsekuttivi biex b’hekk jinsabu fit-triq it-tajba li jirkupraw il-kastig ta’ 10 punti mpost fuqhom mill-Premier League talli kisru r-regoli finanzjarji, għalkemm jistgħu anke jin­għataw iktar kastigi.

It-team fit-tielet post, Aston Villa, għandhom konfront delikat meta jmorru għand Brentford, li minkejja li naqqsu xi ftit mill-forma tal-istaġun l-ieħor, xorta għad­hom kapaċi jagħtu logħba lil kull team.

Min-naħa tal-Villa, li ġew draw 1-1 barra minn darhom kontra Zrjinski iżda spiċċaw l-ewwel fil-grupp, qed igawdu mit-tmexxija għaqlija tal-manager Spanjol, Unai Emery, tant li daħħalhom biċ-ċans li jkunu fiċ-Champions League wara li fl-1981 kien rebħu l-istess kompetizzjoni iżda bl-isem ta’ Tazza tal-Ewropa.

Il-logħba l-oħra li se tintlagħab għada tara lil West Ham u Wolves iħabbtuha ma’ xulxin fil-London Sta­dium bil-Hammers qed igaw­du ħames punti vantaġġ fuq l-avversarji tagħ­hom għalkemm dawn ma jidhrux f’xi periklu li jiġu relegati meta jinsabu 10 punti fuq Luton li jinsabu t-tielet mill-aħħar.

Ekonomija

Sport