Meta llum u għada se jintlagħab is-36 programm tal-Premier League Ingliż se tkompli t-taqtiegħa għall-erba’ postijiet li fadal fil-UEFA Champions League meta l-ewwel post ġie kkapparrat minn Liverpool bis-saħħa tar-rebħ tal-20 kampjonat fl-istorja tagħhom.
Qabel ma Arsenal tilfu 2-1 kontra Bournemouth f’darhom il-ġimgħa l-oħra kien qed jidher li posthom huwa aċċertat ukoll. Iżda issa reġgħu fit-taqtiegħa ma’ ħames timijiet oħra.
Għaldaqstant, it-timijiet biċ-ċans li jiksbu l-postijiet l-oħra fiċ-Champions League minbarra Liverpool huma Arsenal (67 punt), Manchester City (64), Newcastle United (63), Chelsea (63), Nottingham Forest (61) u Aston Villa (60), meta seba’ punti qed jifirduhom minn xulxin meta fadal tliet logħbiet għat-tmiem.
Intant Arsenal jistgħu jsibu ruħhom f’diffikultá meta għada jmorru f’Anfield biex jiltaqgħu kontra ċ-champions li dawn il-logħbiet qed iservuhom ta’ ċelebrazzjonijiet.
Meta għandhom moral baxx wara li sfaw eliminati miċ-Champions League minn Paris St-Germain, il-Gunners iridu joqogħdu attenti mir-Reds li issa jridu jtemmu fuq nota pożittiva.
Manchester City, li ġejjin minn ħames rebħiet u draw, se jkunu f’St Mary’s Stadium fil-kosta tan-nofsinnhar biex jiltaqgħu kontra Southampton li komplew jitilfu logħba wara l-oħra tneħħi xi draw ‘l hawn u ‘l hinn tant li rebħu biss 11-il punt, wieħed iktar mir-rekord negattiv ta’ kull żmien ta’ 10 minn Derby County.
Is-City ġejjin mir-rebħa stretta ta’ 1-0 kontra Wolves fl-Etihad Stadium b’goal ta’ Kevin De Bruyne li wisq probabbli qed jilgħab l-aħħar logħbiet tiegħu mat-team ta’ Pep Guardiola.
Logħba li fiha ż-żewġ timijiet għandhom l-istess interess hija dik bejn Newcastle United u Chelsea li hija l-ewwel waħda ta’ għada. Ċertament li hija ‘finali’ għaż-żewġ timijiet meta jinsabu fir-raba’ u fil-ħames postijiet rispettivament bi 63 punt kull wieħed.
Chelsea ġejjin mir-rebħa kontra Djurgarden tal-Isvezja li rathom jaslu sal-finali tal-Conference League waqt li fil-kampjonat fallew erba’ punti biss mill-aħħar 18-il punt, l-istess rekord bħal tal-Magpies li se jkunu f’darhom, St James Park.
Aston Villa se jkunu nvoluti f’logħba delikata għand Bournemouth b’dawn jista’ jkollhom xi ftit taċ-ċans li jkunu fl-Europa League jew fil-Conference League għall-ewwel darba.
Il-Villa tilfu kollox fi żmien ġimgħa meta l-ewwel ġew eliminati miċ-Champions League minn Paris St-Germain u wara mill-FA Cup meta fis-semi-finali Crystal Palace ma tawhom l-ebda ċans meta għelbuhom 3-0 f’Wembley Stadium.
Wara staġun ferm impenjattiv it-team ta’ Unai Emery żgur li jħossu differenti f’dak li ġej jekk ma jkunx involut fiċ-Champions League li pprovda logħbiet ta’ glorja f’Villa Park matul ix-xitwa.
It-team immexxi mill- manager, Nuno Espirito Santo, Nottingham Forest, li qatta’ ħafna ġimgħat fit-tieni u fit-tielet postijiet, jinsab fil-periklu li jfalli ċ-Champions League, kompetizzjoni li huma rebħu f’sentejn fuq xulxin, fl-1979 u fl-1980 meta kienu taħt il-leġġendarju player u manager, Brian Clough.
Bħalissa huma qed jokkupaw is-sitt post meta ġejjin minn żewġ rebħiet u draw waqt li sofrew tliet telfiet mill-aħħar sitt ħarġiet li kellhom.
Meta kienu għaddejjin fuq sensiela pożittiva huma kellhom lill-attakkant minn New Zealand, Chris Wood, f’forma kbira, iżda wara li weġġa’ ma baqax l-istess forza li kien u l-Forest battew mit-team li kienu.
L-avversarji tagħhom, Leicester City, relegati wara staġun wieħed li ġew promossi ġejjin mill-ewwel rebħa wara 11-il logħba negattiva taħt il-manager Olandiż, Ruud Van Nistelroy, u issa mistenni jitlef postu u jkollu jsib team ieħor.
Team ieħor relegat, Ipswich Town, se jilqa’ lil Brentford li għadhom qed jitħabtu biex jiksbu post fl-Ewropa għall-ewwel darba.
Wara telfa u żewġ draws, il-Bees rebħu l-aħħar tliet ħarġiet biex l-għan tagħhom u tal-manager Thomas Frank għadu għaddej. Huwa daħħlilhom stil ta’ logħob li kapaċi jħabbat lit-timijiet il-kbar aħseb u ara lir-relegati Tractor Boys li fl-istaġun li ġej wisq probabbli jitilfu lill-attakkant Liam Delap meta teżisti possibbiltá kbra li jkompli jilgħab fil-Premier League.
Fulham, li naqqsu mill- konsistenza fl-aħħar ħarġiet tagħhom tant li ħadu żewġ rebħiet u sofrew erba’ telfiet mill-aħħar sitt logħbiet, se jkunu fi Craven Cottage biex jilqgħu lil Everton li issa ilhom salvi minn kull inkwiet tar-relegazzjoni.
It-team ta’ Marco Silva qed jokkupa l-11-il post mingħajr wisq ċans li jkunu f’xi waħda mill-kompetizzjonijiet Ewropej minkejja li jippossjiedu players ta’ kalibru.
Wolves se jkunu nvoluti f’konfront antipatiku meta f’Molineux il-viżitaturi m’ huma ħadd ħlief l-avversarji bogey tagħhom, Brighton, li ġeneralment jitilfu kontrihom.
Is-Seagulls jinsabu fl-10 post bi 52 punt, tlieta iktar u 11-il punt fuq it-team ta’ Vitor Pereira li wara li rebaħ sitt logħbiet wara xulxin ġie megħlub 1-0 minn Manchester City f’logħba li seta’ ħa almenu punt minnha.
Fil-logħbiet ta’ għada hemm tliet timijiet li qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-Europa League, Manchester United u Tottenham Hotspur waqt li fil-Conference League, Chelsea se jiltaqgħu kontra Real Betis.
Il-United żgur li se jħossuhom eżawriti meta se jkunu f’darhom kontra West Ham, iżda min-naħa l-oħra jinsabu pass bogħod li jikkwalifikaw għaċ-Champions League jekk jirbħu l-finali kollha Ingliża.
Kemm il-United kif ukoll West Ham ma rebħux logħba mill-aħħar sitt ħarġiet tagħhom u dan juri kemm iż-żewġ timijiet kellhom staġun deludenti.
Tottenham ukoll se jkunu home meta fid-Derby ta’ Londra jiltaqgħu kontra Crystal Palace.