Friday, December 27, 2024

Premier Ingliż: Tottenham iġibu fix-xejn lil Newcastle

Aqra wkoll

Fil-Premier League Ingliż Tottenham Hotspur irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Newcastle Uni­ted bl-iskor ta’ 4-1, bil-Magpies isofru t-tieni telfa wara l-oħra. 

Spurs kienu fi klassi għalihom u litterlament ġa­bu fix-xejn lill-avversarji tagħhom fejn ir-rebħa setgħet akbar. 

Il-goals tat-team immexxi mill-manager Ange Poste­goclu waslu minn Iyenoma Udogie (26), Richarlison (38, 60) u Son Heung-Min (85 pen) … filwaqt li Joelinton (93) wieġeb għal Newcastle.  

Everton v Chelsea – Everton laqgħu lil Chelsea u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 biex irreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva u komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni wara li tnaq­qsulhom 10 punti wara li nstabu ħatja ta’ irregola­ritajiet finanzjarji.   

Min-naħa ta’ Chelsea, dawn sofrew it-tieni telfa nfila bil-pressjoni qed tikber fuq il-manager, Mauricio Pochettino, li jitkeċċa wara li ngħata l-kariga proprju wara li ntemm l-is­taġun li għadda. 

Iż-żewġ goals waslu fit-tieni taqsima minn Abdoulaye Doucoure (54) u ż-żagħugħ Lewis Dobbin (92). 

Fulham v West Ham – Wara li kienu ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 għand Tottenham Hotspur, wieħed stenna li West Ham kienu se joffru sfida denja kontra Fulham. 

Iżda ma kellux ikun minħabba li sofrew telfa kbira ta’ 5-0. 

Min-naħa tagħhom, Fulham issa telgħu fl-10 post u għaldaqstant jinsabu f’żona komda mingħajr il-periklu tar-relegazzjoni. 

Il-protagonisti ta’ din ir-rebħa kienu Raul Jime­nez (22), Willian (31), Tosin Adarabioyo (41), Harry Wilson (60) u Carlos Vinicius (89).

Luton v Man City – Manchester City marru għand Luton Town u kellhom jitħabtu biex għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1 biex kisbu l-ewwel rebħa wara tliet draws u telfa. 

Kienu Luton li fetħu l-iskor meta fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Elijah Adebayo xeħet fix-xibka bir-ras. 

Iżda żewġ goals fi spazju ta’ tliet minuti minn Bernardo Silva (62) u Jack Grealish (65) taw ir-rebħa lit-team immexxi minn Pep Guardiola. 

Ekonomija

Sport