Sunday, November 24, 2024

Premier League Ingliż: Arsenal jospitaw lil Aston Villa fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa l-Premier League Ingliż se jara ġurnata oħra mnaqqxa mit-38 programmati tal-is­taġun meta se tintlagħab it-33 waħda bl-aktar logħba attraenti bla dubju hija dik ta’ għada fl-Emirates Stadium bejn il-leaders Arsenal u Aston Villa li qed jokkupaw il-ħames post b’punti ndaqs ma’ Tottenham b’dawn peró jilagħbu logħba inqas minnhom.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati mħallta mill- impenji tagħhom fl-Ewropa fejn il-Gunners spiċċaw draw 2-2 fl-Emirates kontra Bayern Munich fiċ-Cham­pions League waqt li l-Villa kisbu rebħa ta’ 2-1 kontra Lille f’Villa Park fil-Conference League.

Il-Villa se jkunu mingħajr is-sospiż Douglas Luiz b’postu mistenni jieħdu l-captain John McGinn meta jilgħab irwol differenti milli għandu bħalissa li hija iktar inklinata fuq il-wing.

Arsenal qed igawdu l-quċċata bis-saħħa tad-differenza tal-goals minn Liverpool u għalhekk xejn għajr minn rebħa ma hija tajba għalihom bħal ma hija wkoll għall-Villa li jinsabu punti daqs Tottenham iżda t-tnejn qed igawdu 11-il punt vantaġġ fuq Manchester United.

Mill-aħħar ħames logħ­biet Arsenal fallew żewġ pun­ti biss waqt li t-team ta’ Uni Emery mar ħażin meta rebaħ logħba, ġie draw tnejn u tilef it-tnejn l-oħra.

Liverpool, li ġejjin minn lejla li jridu jinsew kemm jista’ jkun malajr meta sfaw umiljati 3-0 f’Anfield minn Atalanta f’waħda mill-agħar wirjiet tagħhom fl-Ewropa, se jkunu f’darhom kontra Crystal Palace.

Dan wara li l-Ħadd li għadda spiċċaw draw 2-2 kontra Manchester United f’Old Trafford meta kisbu d-draw fl-aħħar ħinijiet. Ir-rebħ ta’ 11-il punt minn 15 huwa tajjeb bl-avversarji tagħ­hom ħadu biss żewġ draws.

Iċ-champions Manchester City, li kellhom lejla impenjattiva fiċ-Champions League meta spiċċaw draw 3-3 kontra Real Madrid fil-Bernabeu, se jkunu fl-Emirates biex jilqgħu lit-team li jinsab it-tielet mill-aħħar, Luton Town.

Anke għas-City xejn inqas minn rebħa ma hija tajba u għalkemm il-Hatters jistgħu jagħmlu xi reżistenza tkun sorpriża kbira jekk ir-rebħa ma tmurx għand Erling Haa­land u sħabu.

Is-City fallew erba’ punti minn żewġ draws waqt li Luton rebħu l-aħħar logħba tagħhom kontra Bournemouth 2-1 meta dawru r- riżultat bħal ma għamlu ċ-Cherries ftit tal-ġimgħat ilu meta dawru telfa ta’ 3-0 f’reb­ħa ta’ 4-3.

Intant, Bournemouth se jkunu fil-Vitality Stadium fejn se jiltaqgħu kontra Manchester United meta qed      igawdu vantaġġ ta’ 16-il punt fuq it-tielet team mill-aħħar bil-United jibqgħu jissieltu għal post fiċ-Champions League għalkemm għadu mhux magħruf kemm se jkun hemm timijiet mill-Premier League fl-istaġun li ġej.

Il-United ħadu rebħa u żewġ draws mill-aħħar ħa­mes logħbiet waqt li l-avversarji tagħhom ħadu 10 punti mill-15 għad-dispożizzjoni tagħ­hom.

Il-programm tal-lum jibda bil-logħba f’St James Park bejn Newastle u Tottenham bil-Magpies qed jissieltu għal post f’waħda mit-Tazzi Ewropej waqt li Spurs qed jersqu viċin li jiksbu post fiċ-Champions League.

Iż-żewġ timijiet għandhom rekord identiku meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu 10 punti kull wieħed.

Brentford, li jinsabu erba’ punti biss bogħod mis-salvazzjoni, jilqgħu lil Sheffield United li huma rassenjati li jirritornaw fiċ-Championship mal-ewwel okkażjoni. Anke dawn iż-żewġ timijiet imxew fuq il-passi ta’ xulxin meta ħadu tliet draws kull wieħed mill-aħħar ħames ħarġiet.

Team ieħor li jidher rassenjat li jmur lura minn fejn ġie wara sena biss huwa dak ta’ Burnley li se jkunu f’Turf Moor kontra Brighton li qed jippruvaw jakkwalifikaw għal post fl-Ewropa.

Iżda bir-rata li mexjin biha dan l-aħħar fejn ħadu erba’ punti biss minn 15 dan ma jid­hirx li se jirnexxielhom waqt li l-Clarets marru aħjar minnhom meta rebħu sitt punti mill-istess total.

Wolves se jmorru fis-City Ground f’logħba ta’ nostalġija meta se jiffaċċjaw lil Nottingham Forest u lill-eks manager tagħhom, Nuno Espirito Santo.

It-team ta’ Gary O’Neill ġej minn rebħa u draw u l-Forest minn rebħa u żewġ draws u għalhekk ma tantx hemm wisq x’tagħżel bej­niethom bid-differenza li Wolves jinsabu xxamplati fil-11-il post u l-Forest għadhom fit-taqbida kontra r-relegaz­zjoni.

West Ham, li huma wkoll sfaw megħluba fl-Europa League, se jkunu nvoluti fid- derby ta’ Londra kontra Fulham meta se jkunu fil-London Stadium.

Il-Hammers qed jippruvaw jerġgħu jkunu fl-Ewropa, iżda jridu jiksbu tliet punti minn dan il-konfront meta l-Cottagers jinsabu salvi mir-relegazzjoni u b’14-il punt vantaġġ ftit hemm ċans li jiġu maqbuża.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik bejn iż-żewġ Blues, Chelsea u Everton, b’tal-ewwel jidhru li se jerġgħu jfallu l-Ewropa waqt li t-Toffeemen għadhom fl- inkwiet li jitilfu posthom mal-kbar għall-ewwel darba fl-istorja meta jinsabu żewġ punti biss bogħod miż-żona l-ħamra.

Sport