Saturday, November 30, 2024

Premier League Ingliż: L-attenzjoni prinċipali f’Anfield

Aqra wkoll

It-13-il ġurnata tal-Premier League Ingliż se tipprovdi logħba intriganti li fiha l-leaders Liverpool se jilqgħu f’Anfield liċ- champions Manchester Ci­ty meta jinsabu distakkati tmien punti minnhom.

Iżda bħalissa huma r-Reds li jinsabu f’forma kbira meta mill-ewwel 19-il logħba tal-istaġun huma tilfu darba u ġew darba draw, it-tnejn fil-kampjonat waqt li min-naħa tagħhom is-City sejrin mill-ħażin għall-agħar.

Il-ġimgħa l-oħra huma sfaw megħluba 4-0 minn Tottenham fl-Etihad Sta­dium meta ftit ġimgħat qabel għelbuhom 2-1 fil-League Cup. 

Imbagħad nhar it-Tlieta rmew vantaġġ ta’ tliet goals biex marru lejn darhom bi draw ta’ 3-3 meta kienu qed jilagħbu home kontra l- Olandiżi Feyenoord.

Liverpool tilfu ħames punti biss minn total ta’ 36 fil-kampjonat waqt li t- team ta’ Pep Guardiola falla 13-il punt li ġew fi tliet telfiet u żewġ draws.

Ċertament li l-assenza ta’ Rodri min-nofs il-ground qed turi xi jsarraf il-midfielder Spanjol u kemm kien denju li jirbaħ il-Ballon d’Or minkejja l-kontroversja li qalgħu Real Mad­rid li riedu bis-saħħa li dan l-unur jirbħu l-Brażiljan tagħhom, Vinicius Junior. Tant hu hekk li saħansitra anke bbojkottjaw iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li saret f’Pariġi.

Punt biss wara s-City jiġu Chelsea, Arsenal u Brighton li kollha għandhom 22 punt u għalhekk ikunu lesti biex jaqbżu fuq xi żelqa oħra taċ-cham­pions jew ta’ xi wieħed minnhom.

Il-Gunners se jmorru għand West Ham li ġejjin mir-rebħa sorpriża għand Newcastle meta nhar it- Tnejn għelbuhom 2-0 b’goals fit-tieni taqsima li ġew minn Tomas Sucek u Aaron Wan-Bissaka, rebħa li tat in-nifs lill-manager Spanjol tagħhom, Julen Lepotegui, meta kien qed jissemma’ li jista’ jitkeċċa minn ħin għall-ieħor mill- kariga.

Chelsea se jkunu nvoluti f’logħba kontra Aston Villa fi Stamford Bridge għada wara nofsinnhar meta t- tnejn ġejjin mill-impenji tagħhom fl-Ewropa, il-Villa kontra Juventus fiċ-Champions League u l-Blues kontra l-Ġermaniżi Heidermann fil-Conference Lea­gue.

Brighton lagħbu l-bieraħ filgħaxija u għalhekk rebħa kienet tkompli tarahom ji­tilgħu iktar ‘il fuq fil-klassifika. Dan meta ltaqgħu kontra t-team tal-qiegħ, Southampton.

Illum wara nofs in-nhar jintlagħbu erba’ logħbiet  fejn Brentford se jilqgħu lil Leicester City li jinsabu bla manager għalkemm qed jissemma’ Ruud Van Nistelrooy li jista’ jieħu post Steve Cooper li ftit tal-jiem ilu tkeċċa mill-kariga. 

Il-Bees għandhom seba’ punti iktar mill-Foxes u għaldaqstant jinżlu b’iktar kunfidenza b’dawn jinsabu punt biss fuq iż-żona l- ħamra.

Crystal Palace se jkunu f’darhom kontra Newcastle United b’dawn jinsabu fl-10 pożizzjoni, erba’ punti bogħod mit-team fit-tielet post. L-Eagles ħadu rebħa u żewġ draws mill-aħħar sitt ħarġiet meta jinsabu jokkupaw il-post ta’ qabel l-aħħar fil-klassifika.

It-team ta’ Nuno Espirito Santo, Nottingham Forest, se jkunu fis-City Ground biex jospitaw lil Ipswich Town li ġejjin minn rebħa u żewġ draws waqt li l-Fo­rest, li jinsabu fis-seba’ post, ġejjin minn żewġ tel­fiet kontra (Newcastle 3-1) u Arsenal (3-0).

Wolves se jkunu f’Molineux bl-avversarji jkunu Bournemouth, li huma l-eks team tal-manager Gary O’Neil. 

Wolves bdew sensiela pożittiva ta’ żewġ draws u żewġ rebħiet li ġew kontra Southampton (2-0) u Fulham (4-1) b’din tal-aħħar kontra kull mistenni. Qabel dan huma kienu ħadu punt biss minn tmien logħbiet.

Fost l-erba’ logħbiet ta’ għada hemm dawk bejn Manchester United u Everton u Tottenham kontra Fulham li hija derby oħra ta’ Londra.

Il-United, issa taħt il- manager Portugiż, Ruben Amorim, kienu mpenjati fl-Europa League fejn għelbu lil Bodo Glimt tan-Norveġja u 3-2 wara li kienu 2-1 minn taħt waqt li Spurs, li qed jilagħbu fl-istess kompetizzjoni kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 kontra Roma ta’ Claudio Ra­nie­ri, eks manager ta’ Chelsea u Leicester City. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport