Sunday, May 5, 2024

Probation wara li ta n-nar vettura f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 18-il sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammetta li ta n-nar vann f’Ħal Qormi.

Il-każ seħħ fl-14 ta’ Awwissu li għadda fi Triq iċ-Ċawsli. L-imputat, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba problemi mentali li jidher li huwa għandu, ġie akkumpanjat fil-Qorti minn carer mill-Isptar Monte Carmeli. 

Fil-Qorti huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu, skuża ruħu u wiegħed li ma jmissx karozza oħra. “Se noqgħod għat-trattament sakemm indum ħaj. Ma ridtx intiha n-nar. Ma kontx naf x’inu jiġri. Ridt biss nixgħel il-lighter,” qal l-imputat.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien identifikat minn filmati tas-CCTV. Qalet li sid il-vann jgħix ħdejn qarib tal-imputat iżda ma kellu l-ebda konnessjoni. Il-konsulent mediku tal-imputat kien irrakkomanda ordni ta’ probation u trattament, żied jgħid l-Ispettur Kevin Pulis. 

Il-Qorti spjegat lill-imputat li kien se jkollu uffiċjal tal-probation assenjat lilu biex isegwih. Fl-istess ħin, wissietu li jekk ma jikkoperax jista’ jispiċċa wkoll il-ħabs. 

Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u poġġietu taħt probation għal żmien tliet snin u taħt ordni ta’ trattament għall-istess perjodu. Huwa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-inkjesta fi żmien sentejn. 

“Kif nista’ nħallas? M’għandix xogħol!”, qal l-imputat b’mod aġitat. “Allura għandi bżonn naħdem u nħallas għaliha. Inħallashom jien, mhux il-ġenituri tiegħi.” Hawn ommu nstemgħet tgħid li mhumiex f’qagħda finanzjarja tajba. 

L-imputat min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Maġistrat Charmaine Galea qabel ħareġ mill-awla u wiegħed li se jirrispetta l-ordni tal-Qorti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna. L-Avukat Daniel Attard deher għall-imputat.

Sport