Wednesday, July 24, 2024

Proġett ieħor fil-Kottonera – Ġnien fuq il-Glażiż fil-Birgu rriġenerat fil-qalba tal-komunità biex jitgawda mill-familji

Aqra wkoll

Ġnien fuq il-Glażiż fil-Birgu, żona ta’ madwar 9,000 metru kwadru, li għal numru twil ta’ snin kienet fi stat ta’ abbandun, ġiet irriġenerata fi spazju rikreattiv biex jitgawda mill-familji. Proġett li l-Prim Ministru Robert Abela żar u mbagħad ġie inawgurat propju mill-istudenti tal-iskola Primarja tal-Birgu fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan huwa proġett ieħor minn kullana ta’ proġetti li l-Gvern qiegħed jimplimenta biex ikompli jżomm mal-wegħda elettorali li jagħti lir-residenti spazji miftuħa li jkunu fil-qalba tal-komunità u viċin fejn jgħixu. Żied jgħid li dan il-ġnien se joffri spazju fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-għeżież tagħhom. Qal li wara proġetti oħra importanti fil-Kottonera, bħar-riġenerazzjoni tal-Pjazza u x-Xatt tal-Kalkara, il-Birgu hu post ieħor li qed igawdi minn investiment u proġett ta’ kwalità b’enfasi favur in-nies.

“Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex ikollna lokalitajiet b’aktar spazji miftuħa li jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti, familji u tfal,” qal il-Prim Ministru Robert Abela wara li kellu diskussjoni informali fuq temi differenti mat-tfal fejn ilkoll sostnew li l-ħtieġa ta’ aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalità mhux biss jagħtu dehra isbaħ iżda jkunu parti mill-ħajja komunitarja tar-residenti. It-tfal kellhom ukoll diversi attivitajiet edukattivi madwar il-ġnien fil-Birgu.

Ix-xogħlijiet f’dan il-proġett irrispettaw l-ambjent eżistenti. F’dan il-ġnien inħolqu diversi żoni ta’ rikreazzjoni fosthom post għall-picnics, logħob għat-tfal u anke park għall-klieb. It-tagħmir ġdid f’dan il-ġnien huwa magħmul minn materjal naturali u rriċiklat. Hemm ukoll sistema ta’ dwal ġodda li tagħmel użu mill-enerġija solari u tpoġġew kameras tas-sigurtà madwar il-ġnien. Il-proġett sar minn GreenServ, fergħa fi ħdan il-WasteServ li timplimenta proġetti ħodor f’żoni urbani.

Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, li fissret kemm spazji bħal dawn huma importanti għall-komunità. “Huwa ta’ sodisfazzjon naraw studenti ta’ etajiet varji igawdu minn dan il-ġnien fejn permezz tal-għalliema tagħhom qed ikomplu jsawru l-esperjenza edukattiva tagħhom ’il bogħod mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi. Permezz ta’ dan il-ġnien qed nerġgħu nagħtu ħajja ġdida lil din iż-żona sabiex inkomplu nipprovdu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tal-Kottonera u tal-madwar,” saħqet il-Ministru Miriam Dalli.

Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall u l-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Birgu. Nhar is-Sibt li ġej mill-4pm ’il quddiem se tkun qed tiġi organizzata wkoll attività f’dan il-ġnien b’divertiment għall-familja kollha.

Ekonomija

Sport