Wednesday, July 24, 2024

Programm fl-iskejjel dwar il-ħarsien tal-annimali b’kollaborazzjoni mal-MSPCA

Aqra wkoll

Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u s-Soċjetà Maltija għall-Ħarsien u l-Kura tal-Annimali (MSPCA) wasslet biex jitnieda l-programm Acts of Kindness, li huwa parti mill-Kurrikulu tal-Personal, Social, and Career Development (PSCD) fl-iskejjel.

Permezz ta’ dan il-proġett se jitqassam ktejjeb ġdid ta’ eżerċizzji fil-klassijiet madwar Malta u Għawdex b’attivitajiet maħsuba biex jintużaw fil-klassi bħala parti mill-kurrikulu tal-PCSD biex ikopru suġġetti tal-kurrikulu permezz tal-benesseri tal-annimali biex jitwassal il-messaġġ. Barra minn hekk, persuni mill-MSPCA se jkunu disponibbli biex iżuru skejjel biex jitkellmu dwar dan il-ktejjeb b’rabta mas-suġġetti tal-kurrikulu tal-PSCD u l-importanza tal-ħarsien tal-annimali.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed inkomplu nagħtu importanza lill-ħarsien tal-annimali u se nkomplu ngħallmu lit-tfal dwar suġġett li huwa wkoll għal qalbhom. Intenni li edukazzjoni sħiħa tfisser li ntellgħu lit-tfal bħala ċittadini responsabbli f’kull settur tal-ħajja.”

Min-naħa tagħha, Louiselle Grech mill-MSPCA spjegat li l-organizzazzjoni ilha impenjata fl-edukazzjoni dwar il-ħarsien tal-annimali fl-iskejjel bħala parti mat-tagħlim kurrikulari għal għexieren ta’ snin. Kompliet li dan il-proġett huwa intiż bħala wieħed mill-ħafna mezzi li jippromwovi l-empatija, imġiba responsabbli, u aktar għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali.

Emma Pullicino, Brand Manager ta’ M&Z plc, tenniet is-sodisfazzjon tal-kumpanija li qed jappoġġjaw dan il-proġett kif ukoll il-kampanja Act of Kindness tal-MSPCA.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett għandu jsir kuntatt mal-MSPCA fuq 79530468 jew permezz ta’ email fuq [email protected].

Ekonomija

Sport