Sunday, November 24, 2024

Projbit iż-żwieġ tat-tfal fi Sierra Leone

Aqra wkoll

Fi Sierra Leone għaddiet liġi ġdida li tipprojbixxi ż-żwieġ tat-tfal. Din intlaqgħet b’mod pożittiv f’ċerimonja organizzata mill-First Lady Fatima Bio fil-kapitali Freetown.

B’din il-liġi, kull min issa jkun involut fiż-żwieġ ma’ tifla taħt l-età ta’ 18-il sena jista’ jintbagħat minn tal-inqas 15-il sena ħabs jew immultat $4,000, jew inkella jkun ikkundannat piena ta’ priġunerija u multa flimkien.

L-istudenta universitarja Khadijatu Barrie, li oħtha żżewġet ta’ 14-il sena tkellmet mal-BBC u qalet li laqgħet il-projbizzjoni iżda xtaqet li daħlet qabel biex tipproteġi lil ħutha iżgħar.

“Nixtieq tassew li dan seħħ qabel. Stajt tal-anqas salvajt lil oħti, lil sħabi u anke lill-ġirien,” qalet Barrie, li llum għandha 26 sena.

Sierra Leone hija soċjetà patrijarkali u huwa komuni li missier jisforza lil bintu biex tiżżewweġ.

Min-naħa tagħha, Barrie kellha tgħaddi minn din is-sitwazzjoni meta kien għad kellha 10 snin. Hija iżda rreżistiet u ħarbet mid-dar tal-familja.

B’xorti tajba sabet għalliema li ħallsulha l-miżati tal-iskola tagħha u ħaddiem mill-aġenzija tat-tfal tan-Nazzjonijiet Uniti għenha biex issib akkomodazzjoni.

Hija iżda qalet li kienet tassew diffiċli għal dawk li jgħixu f’żoni rurali li jwarrbu din it-tradizzjoni u kull komunità se jkollha bżonn tkun infurmata dwar il-liġi l-ġdida biex tkun effettiva.

Sport