Wednesday, October 9, 2024

Proposta sistema ġdida għar-riċerka dwar għasafar tal-għana wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti mistenni li jimxi fuq il-proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK fejn għandhom jiġu impjegati bird-ringers barranin man-nassaba mifruxin madwar il-pajjiż.

Dan biex bl-effiċjenza pprovata u ttestjata tal-metodu użat s’issa minn dawn id-dilettanti Maltin u Għawdxin fir-riċerka dwar is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, tiġi pprovduta dejta xjentifika usa’ meħtieġa.

Din l-inizjattiva tħabbret mill-FKNK fi stqarrija wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Settembru li għadda kontra Malta fejn intqal li l-iskop ta’ riċerka ma kienx raġuni valida biex tiġi adottata d-deroga mid-Direttiva tal-Għasafar.

Fl-istqarrija l-FKNK tgħid li imkien fis-sentenza tagħha il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu ma kkritikat b’mod negattiv l-importanza u l-effiċjenza tal-Programm ‘Citizen Science’ ta’ Riċerka dwar l-Għasafar tal-Għana tal-Gvern Malti tal-2020, l-2021 u l-2022.

L-FKNK qalet li kontra d-dejta miġbura mill- mill-Birdlife fil-monopolju li għandha tar-ringing f’44 sena lanqas biss jitqabbel ma’ dik miġbura min-nassaba tradizzjonali f’sentejn biss.

Kien hawn li fl-istqarrija l-FKNK tikwota dejta li ġiet miżmuma mill-entità Ewropea għar-ringing tal-għasafar (EURING). Qalet li l-Birdlife ġabret informazzjoni biss minn dwar 2,700 għasfur tal-għana biss f’pajjiżna bejn l-1965 u l-2020, minbarra s-snin tal-1984 u l-1995.

Skont l-FKNK, Birdlife rnexxielha tiġbor informazzjoni fuq 61 għasfur tal-għana fis-sena fuq 44 sena u dan minkejja li ma kellha l-ebda restrizzjonijiet.

L-istqarrija tkompli tgħid li d-dejta tal-EURING turi wkoll li fl-irkupri taċ-ċrieket permezz ta’ qbid mill-ġdid, bejn l-1940 u l-2020 il-BirdLife kellha biss tmint iċrieket irkuprati.

L-FKNK qalet li r-rapporti tal-Wild Birds Regulation Unit għall-2016 u l-2017, in-nassaba Maltin irnexxielhom jaqbdu total ta’ ftit inqas minn 16,000 għasfur tal-għana jew medja ta’ 1,000 għasfur ta’ kull speċi tal-għana kull sena.

Il-proposta tal-FKNK tgħid li kull għasfur maqbud jiġi ċċekkjat għall-preżenza ta’ ċurkett xjentifiku u, f’dak il-każ, id-dettalji jiġu rreġistrati u l-għasfur tal-għana jiġi rilaxxat lura fis-selvaġġ. Għasafar mingħajr ċrieket xjentifiċi wkoll jinħelsu minnufih.

Għalhekk l-FKNK ipproponiet lill-Gvern biex joħroġ sejħa għal bird-ringers kwalifikati internazzjonali mħallsin biex jakkumpanjaw lin-nassaba u jlibbsu ċrieket tal-EURING, ipprovduti mill-Birdlife, qabel il-ħelsien.

Dan anke minħabba l-fatt li n-netwerk tal-imnasab hu iżjed mifrux mal-gżejjer Maltin, tkun tista’ tinkiseb aktar dejta dwar il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-għana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport