Wednesday, October 9, 2024

NAQBEL

Aqra wkoll

Naqbel li Glenn Micallef, il-Kummissarju propost minn Malta għall-Kummissjoni Ewropea mar pjuttost tajjeb fil-għażla tas-setturi li “ngħata” mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen biex imexxi (jekk jgħaddi mil-“eżami” tal-Parlament Ewropew, kif wieħed jistennih jagħmel). Meta tikkunsidra l-kompetizzjoni li kellu minn nies nominati bħala kummissarji minn pajjiżi membri oħra, seta’ ngħata trattament ħafna agħar.

Veru li l-portafoll tiegħu jiġi n-nofs ta’ x’kellu l-Kummissarju preċedenti. Imma se jkollu taħtu direttorat ġenerali b’baġit sostanzjali. Is-settur ta’ żgħażagħ eċċ. hu wieħed li se jippermettilu jimraħ mal-Ewropa u jekk iħaddem tajjeb il-metodu kapillari f’livell trans-Ewropew, jagħmel ħafna ħbibereiji li jiswewlu.

Min-naħa l-oħra, wieħed jimmaġina li l-Kummissarju Malti mhux se jkollu wisq influwenza fuq kif il-Kummissjoni se tiżviluppa l-politika Ewropea tagħha. Mhux l-anqas fl-oqsma li l-aktar jikkonċernawna – tassazzjoni, servizzi finanzjarji, il-politika Ewropea ta’ difiża, speċjalment fl-impatt tagħha fuq in-newtralità ta’ pajjiżna. Wieħed jista’ jargumenta li hekk kien ġara fil-Kummissjonijiet ta’ qabel.

MITI

Mhux pajjiżna biss jagħmel hekk. Kull pajjiż isostni l-ħajja nazzjonali tiegħu permezz ta’ twemmin f’miti politiċi li jinħolqu u jibqgħu jiġu sostnuti minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Aħna għandna numru mhux ħażin minnhom, fosthom dwar żmien San Pawl, dwar l-Assedju l-Kbir, dwar is-Sette Giugnio u turrun oħra. M’għandniex għax niddejqu minn hekk. Il-miti huma meħtieġa biex iżommu sens popolari tal-identità nazzjonali.

Biss jista’ jkun ukoll li l-miti jitwieldu u jisseddqu minn apprezzament imgħawweġ tar-realtà. B’xorti ħażina, dan ġara u qed jiġri ta’ spiss fi żmienna, hekk kif il-miti qed jirriflettu pożizzjonijiet partiġġjani li ftit huma konformi mal-verità u jsaħħu l-battibekki partiġġjani. Miti hekk, jekk jimmeritaw il-kelma, aħjar jitwarrbu.


MHIJIEX MIT

In-newtralità żgur mhijiex mit imma realtà li l-poplu Malti ħaddan u biż-żmien sar japprezza aktar. Hemm min jidhirlu li aħjar jaraha u jippreżentaha bħala mit, biex iwarrab għal kollox is-sinjifikat tagħha.

Jekk titħaddem b’mod koerenti u konsistenti, il-linja tan-newtralità għal Malta għandha tkun il-boxxla ta’ kif titħaddem il-politika barranija u Ewropea tal-pajjiż. Mhijiex xi ħaġa li tfasslet mil-leġġendi storiċi li ġieli jintrabtu mal-miti. Hi politika li xxenxlet mill-esperjenza – minn dak li jista’ jissejjaħ it-“trial and error”, l-isforzi ta’ poplu ċkejken li matul is-sekli, pprova jieħu diversi toroq ħalli jara x’kien jaqbel u jgħodd l-aktar għalih.

F’dal-proċess, saru żbalji, mela le, li uħud minnhom għadna m’aħniex nifhmu tajjeb. Imma jkun żball oħxon jekk dak li nkiseb sa issa, jitħalla jisfuma bl-iskuża li mhu xejn aħjar minn mit. Aktar u aktar jekk dan l-isfumar jitħalla jsir bil-barka ta’ gvern Laburista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport