Wednesday, December 25, 2024

Proposti inċentivi ġodda għan-negozji

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta ħames miżuri ta’ Gvern ġdid Laburista immirati lejn in-negozji, li jikkumplimentaw miżuri oħra li diġà ġew imħabbra u huma tkomplija ta’ pjan ta’ rkupru li nbeda f’dawn l-aħħar xhur. 

Huwa beda biex qal li bi djalogu rridu naraw li l-banek ikunu msieħba għat-tkabbir tal-kumpaniji. Qal li se jkunu qed jilleġiżlaw sabiex kull negozju u self employed ikollu dritt għal kont tal-bank bażiku u mingħajr dewmien. 

Din se tkun estensjoni ta’ dritt li ddaħħal għal individwi li jkollhom kont bankarju bażiku u b’konformità mar-regoli ewropej ta’ superviżjoni finanzjarja. Biex dan isir, se jintuża mudell li ntuża minn pajjiżi oħra. Pajjiżi li introduċew regoli lill-banek immirati biex jiżguraw li jkun hemm aċċess għal servizzi bankarji baziċi għal ċertu setturi. 

Il-Prim Ministru qal li permezz ta’ dan id-dritt, in-negozji kollha leġittimi se jingħataw l-opportunità li jkollhom kont bankarju li bih ikunu jistgħu jħallsu s-salarji u jagħmlu pagamenti internazzjonali fiż-żona Ewro.

Ritratt: Roger Azzopardi

Se jkun stabbilit credit review office

Il-Prim Ministru qal li proposta oħra hi dik li jistabbilixxu credit review office. L-għan ta’ dan l-uffiċċju se jkun li jarbitra b’mod spedit bejn il-banek kummerċjali u l-klijenti privati meta jkun hemm applikazzjonijiet għal self. 

Il-Prim Ministru saħaq li mhux aċċettabbli li business loan idum xhur biex ikun proċessat. Dan is-servizz ikun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-banek kummerċjali f’każ li jkun hemm ilmenti.

Niffaċiltaw in-negozju

Dr Abela tkellem ukol dwar in-negozju. Qal li: “qed nipproponu li nagħtu l-aħjar ambjent lin-negozju biex jibdew jikbru u jespandu l-operat tagħhom. Wara diskussjoni ma’ diversi operaturi u korpi kostitwiti nħass il-bżonn li niċċentralizzaw il-proċessi kollha ta’ due diligence tal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha f’pajjiżna.

“Din hija sfida oħra li jaffaċċjaw in-negozji f’pajjiżna u se naraw li l-burokrazija żejda li xxekkel l-operat tan-negozji tiġi eliminata. L-għan aħħari hu li nassiguraw li n-negozji tagħna ma jkollhomx għalfejn jissottomettu l-istess dokument lil aktar minn entità regolatorja waħda speċjalment fejn jidħol il-proċess ta’ due diligence,” spjega l-Prim Ministru.

Huwa stqarr li jemmen li jekk isir due diligence minn entità dan għandu jkun validu għal kull entità oħra f’pajjiżna. Tenna li din il-miżura mhux talli se tiffranka l-flus u l-ħin lin-negozji imma se tgħinhom jiffukaw biex itejbu l-operat tagħhom. Hi wkoll miżura li tnaqqas mill-ħela tar-riżorsi tal-Gvern.

Nippremjaw l-investiment

Il-Prim Ministru qal ukoll li se jitnedew żewġ skemi ġodda ta’ investiment. L-ewwel waħda se tkun forma ta’ għotja finanzjarja lil dawk il-kumpaniji kollha li jkabbru l-operat tagħhom b’investiment li jikkonsisti f’xiri ta’ apparat tkabbir ta’ impjanti u proprjetà intelletwali.

“Se nagħtu sal-ekwivalenti ta’ 30% tal-investiment li jsir f’dan it-tip ta’ kapital fiss. L-għotja finanzjarja mbagħad tiżdied b’10% oħra lil dawk in-negozji li dan it-tip ta’ invesitment jagħmluh fil-gżira Għawdxija,” spjega l-Prim Ministru.

Skema oħra se tkun immirata lejn dawk in-negozji li jinvestu l-profitti tagħhom fin-negozji. Lil dawn in-negozji se nagħtuhom rifużjoni tat-taxxa sħiħa mħallsa fuq dak il-profitt li jiġi ri-investit mill-ġdid fin-negozju tagħhom. Din il-miżura tikkumplimenta dak diġà mħabbar dwar it-tnaqqis tal-corporate tax rate.

“It-tnaqqis li qed nipproponu mhu marbut bl-ebda kundizzjoni. Dan għax nemmnu li wara żmien iebes ta’ sfidi n-negozji għandhom kull appoġġ possibbli biex flimmkien nibnu prosperità ġdida.”

Ninċentivaw is-sostenibbiltà tan-negozji

Gvern ġdid Laburista se jgħin lin-negozji billi jkopri l-ħlas ta’ energy audit għal kumpaniji micro u żgħar. Permezz tal-Malta Enterprise se tingħata għajnuna finanzjarja lil dawk in-negozji biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-energy audit li jsiru sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-istandards internazzjonali li jkunu akkreditati. Lil dawk l-intrapriżi li jimplimentaw dawn imbagħad se jkunu megħjuna b’tax-credits. 

Il-Prim Ministru qal li dan se jsir billi titwessa’ l-eleġibilità tal-SME Tailored Facility tal-Bank Malti tal-Iżvilupp biex tibda tinkludi proġetti ħodor mis-settur privat u li jwasslu għall-ħolqien ta’ green jobs.

“Dawk il-kumpaniji li joħolqu green jobs se nagħtuhom tax credit fuq il-pagi li jammonta sa 75% tas-salarju wara l-ewwel sena, 50% għat-tieni sena u 25% tas-salarju għat-tielet sena.”

Se jingħata tax credit ekwivalenti għall-ispiża totali ta’ taħriġ lill-ħaddiema kollha li jkollhom il-ħiliet meħtieġa.

Se jitfassal qafas legali speċifiku għall-istart-ups. Dan il-qafas se jintroduċi sistema ta’ tassazzjoni aktar favorevoli għall-kumpaniji u impjegati ta’ start-ups. Dan se jkunu ikkumplimentat bi private equity fund li jipprovdi kapital għall-istart ups. 

“F’dan, se nkunu qed nagħtu prijorità lill-eco-start ups. Lil dawn se nkunu qed nagħtuhom mentorship professjonali, inċentivi fiskali u l-formazzjoni ta’ minimum viable product. 

“Se nintroduċu wkoll one-stop shop biex l-għajnuna kollha għall-istart ups biex l-għajnuna kollha għall-istart ups tkun aċċessibbli taħt saqaf wieħed,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela temm jgħid li “fl-aħħar sentejn rajna sfidi bla preċedent, iżda ma qtajniex qalbna. Għamilna erba’ budgets f’sena waħda għax hekk kien hemm bżonn, li ngħinu lin-negozji. Tajna l-ekwivalenti ta’ biljun u nofs ewro f’għajnuna diretta, indirettament tajna żewġ biljun u nofs ewro ta’ assistenza. Rajna tkabbir ekonomiku rekord, wieħed wara l-ieħor. Konvint li l-prospetti ta’ pajjiżna huma sbieħ ħafna. Konvint li quddiemna għandna futur sabiħ. Malta Flimkien. Il-futur għan-negozji huwa sabiħ ukoll.”

Ekonomija

Sport