Wednesday, April 24, 2024

L-EFFETTI TAL-GWERRA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Lil hinn mill-imwiet u t-tkissir li għaddej fl-Ukrajna grazzi għall-ħidma tal-President Russu Putin, il-gwerra se jkollha effetti oħra profondi u tat-tul. Ekonomikament pereżempju, il-mod kif l-Ewropa tfittex is-sorsi tal-enerġija tagħha se jgħaddi minn bidliet drastiċi. Diġà dan kien beda jiġri minħabba l-isforzi biex nilqgħu għat-tisħin fil-klima. Issa se jkun qed isir ukoll għal raġunijiet ta’ sigurtà. Il-bidliet żgur se jġibu magħhom ċaqliq mhux żgħir fil-prezzijiet u fil-kummerċ.

Imma l-aktar impatt qawwi jista’ jkun li għad jiġri appuntu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Id-deċiżjoni Ġermaniża biex il-budget militari tal-pajjiż jiġi msaħħaħ malajr kemm jista’ jkun jagħti s-sens ta’ dil-bidla. It-tbassir issa hu li se jkun hemm rankatura akbar fl-Unjoni Ewropea biex tiġi żviluppata għaqda Ewropea ta’ difiża li tabilħaqq twassal għal awtonomija strateġika. Wara kollox, l-istorja Ewropea turi li passi kbar lejn għaqda akbar ġraw ta’ spiss mhux minħabba negozjati li jagħmlu progress pass wara pass, imma b’riżultat ta’ xi gwerra li tkun faqqgħet.

***

IR-REPUTAZZJONI TAR-RUSSJA

Dnub li r-Russja se tispiċċa ttimbrata bħala pajjiż tal-gwerra. U li dan se jirrifletti fuq il-poplu Russu.

Għax minkejja l-kuluri suwed li l-Gwerra Bierda kienet tefgħet madwar ir-Russja fil-mentalità taċ-ċittadini tal-Punent, ir-Russi kienu u baqgħu poplu ta’ qalb kbira b’ċiviltà tal-aqwa preġju. Il-kapolavuri artistiċi u kulturali tagħhom huma imprezzabbli fl-istorja tal-umanità. L-erojiżmu li wrew fit-Tieni Gwerra Dinjija ma kellux pariġġ hekk li mhux ta’ b’xejn kien l-poplu li l-aktar tilef nies matul dik il-gwerra.

L-invażjoni tal-Ukrajna se terġa’ tagħti opportunità lill-avversarji tar-Russi biex inġustament ilaqqmuhom barbari. 

***

REFUĠJATI

Ilu jintqal li l-Ewropa għandha bżonn ta’ politika komuni li tibbilanċja bejn il-pajjiżi membri differenti l-piżijiet li jirriżultaw mill-immigrazzjoni. Il-wasla bil-kbir ta’ refuġjati u oħrajn li qed ifittxu x-xogħol fl-aħħar snin inqalgħet l-aktar mis-sud. 

Biex dil-politika titwettaq, l-istati Ewropej kollha ħtiġilhom jaqblu. Dal-qbil ma seħħx għax il-Polonja u l-Ungerija l-aktar ma qablux. Huma riedu li l-Unjoni Ewropea tissakkar u ma tħalli lil ħadd jidħol.

Bil-gwerra tal-Ukrajna, l-istampa nbidlet qatigħ. Mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati bdew jaħarbu mill-Ukrajna u jidħlu fil-pajjiżi ta’ madwar, fosthom l-Ungerija u l-Polonja. Diġà qed tqum l-għajta li dawk il-pajjiżi waħidhom mhux se jkunu jistgħu jżommu l-kolp. L-Unjoni Ewropea wegħdet fondi u riżorsi oħra biex għar-refuġjati jinstabu l-mezzi li jagħtuhom wens materjali. 

Imma żgur li bħalissa l-Unjoni Ewropea ma tistax twiegħed li tara kif se tqassam lir-refuġjati mal-pajjiżi membri. Sfortunatament, kif nafu tajjeb aħna f’Malta, ma teżistix politika Ewropea komuni dwar hekk. 

Sport