Saturday, December 21, 2024

PROSPETTI SBIEĦ GĦALL-EDUKATURI

Aqra wkoll

Professjoni unika u ewlenija li f’kull aspett teħtieġ impenn, dedikazzjoni u sagrifiċċju hija dik tal-għalliema u edukaturi. Qed ngħidu dan għaliex il-ħidma tal-edukaturi hi kruċjali fil-bini tal-karattru fit-tfal tagħna filwaqt li tħejjihom għat-triq li twassalhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, iktar milli professjoni hija vokazzjoni.

Madankollu din il-professjoni, biex tibqa’ sostenibbli tirrikjedi li aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw sabiex jiksbu ħiliet li eventwalment ikunu tajbin u adegwati li jaħdmu f’qasam li jkunu studjaw għalih.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Gvern preżenti qed ikompli jżid inċentivi ta’ kull xorta biex aktar persuni jagħżlu li mhux biss jidħlu imma wkoll ikomplu f’din il-professjoni. Dan flimkien ma’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ li qed jiġu offruti fis-settur.

Nifhmu li l-Gvern qed jagħti prijorità lil dan il-qasam tant li qiegħed jaħdem biex ikun hemm taħriġ professjonali kontinwu fuq bażi soda. Minkejja dan, biex dan kollu jkun jista’ jintlaħaq huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema jkunu xierqa u jirriflettu r-realtajiet tal-lum.

Realtajiet li nbidlu ferm minn kif konna nafuhom qabel, mhux biss dawk soċjali, imma anke bl-avvanzi fit-teknoloġija tal-informatika u l-intelliġenza artifiċjali fost oħrajn.

Dan nemmnu li għandu jkun rifless f’pakkett finanzjarju li jixraq lill-għalliema ta’ wliedna għalkemm l-aspett finanzjarju mhuwiex l-uniku għan. F’dan l-isfond, huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li wara xhur twal ta’ negozjati, intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema (MUT) għal ftehim settorjali ġdid li se jġib titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema.

Għalkemm issa dan il-ftehim irid jgħaddi għand il-membri tal-union għall-approvazzjoni, il-prospetti jidhru li huma sbieħ għall-edukaturi. Minn dak li stqarr il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, dan se jkun l-aqwa ftehim li qatt sar fil-każ tal-għalliema f’pajjiżna.

Wara kollox meta r-rieda tkun tajba u ġenwina, is-soluzzjoni għal kull nuqqas ta’ ftehim tkun fuq l-għatba tal-ftehim. Għalhekk nemmnu u nittamaw bis-sħiħ li l-ftehim li ntlaħaq se jkompli jissarraf f’ġid mill-edukaturi lil uliedna.

Il-Gvern għaldaqstant qed iwettaq wegħda oħra elettorali, li nkisbet b’rieda tajba u djalogu kostruttiv bejn iż-żewġ naħat. Dan il-ftehim mhuwiex wieħed iżolat iżda jorbot ukoll mat-tnedija tal-istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni li se ġġib ‘il quddiem il-kwalità tal-ħajja tal-edukaturi u l-istudenti u li eventwalament tħalli impatt fuq is-soċjetà inġenerali.

B’dan il-mod ukoll qiegħed jinbena pedament edukattiv sod li jħejji lill-istudenti tagħna mhux biss għall-opportunitajiet tal-lum iżda wkoll għall-isfidi ta’ għada.

Ekonomija

Sport