Wednesday, April 24, 2024

Protesta quddiem il-Kurja minn residenti Għawdxin

Ir-residenti jitolbu lill-Arċisqof Scicluna biex ma jkomplix iħalli l-ispekulaturi jeqirdulhom ħajjithom u l-ambjent

Aqra wkoll

Grupp ta’ Għawdxin sejħu konferenza stampa illum quddiem il-Kurja fil-Furjana sabiex jitolbu lill-Arċisqof jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kontroll ta’ fondazzjoni medjevali lil spekulaturi bla ħniena. Dawn l-ispekulaturi qed jheddu lil bosta residenti tal-Qala u n-Nadur bi żgumbrament, iżidu l-kirjiet tal-bdiewa u jibnu proġetti mostrużi b’detriment għall-pajsaġġ u l-ambjent naturali ta’ Għawdex.

Ir-residenti appellaw lill-Arċisqof biex ikeċċi lil Patrick Valentino minn rettur tal-Abbazija, biex jiftaħ azzjoni legali li tannulla t-trasferiment tal-art tal-Abbazija lil kumpaniji privati u li jfittex rimedji legali biex iħassar il-ftehim tal-2017 mal-ispekulaturi.

Il-Moviment Graffitti qal li “din is-sitwazzjoni hija riżultat tad-deċiżjoni li ttieħdet fl-2017 meta ħatar lil Dr Patrick Valentino bħala r-rettur tal-Abbazia di Sant Antonio delli Navarra. L-Abbazija twaqqfet min-nobbli Cosmana Navarra fis-seklu 17, meta din tat il-kontroll ta’ artha lill-fondazzjoni u s-setgħa lill-Arċisqof li jaħtar rettur li jamministra l-art għall-ġid tal-fondazzjoni. Ir-rettur irid ikun dixxendent maskili tan-neputi ta’ Cosmana, Federico, jew, fl-assenza tiegħu, qassis.”

Il-Graffitti qalu ukol li “din is-saga assurda iżda traġika bdiet fl-1992 meta, minn imkien, tfaċċa ċertu Richard Stagno Navarra li sostna li huwa dixxendent ta’ Cosmana Navarra u sostna wkoll li għandu jkun rettur tal-Abbazija. Dak iż-żmien, il-Kurja tal-Arċisqof irreżistiet u fl-2013 rebħet anki l-battalja fil-qorti li kkonfermat id-dritt tal-Arċisqof li jaħtar ir-rettur. Madankollu, fl-2017 ir-residenti u l-bdiewa ntlaqtu minn sajjetta fil-bnazzi meta mingħajr spjega, ġie aċċettta li jilqa’ d-dixxendenza li kienet qegħda ssostni l-familja Stagno Navarra u ħatar ir-rettur li għażlu huma, Dr Patrick Valentino. Ir-rettur il-ġdid beda minnufih jittrasferixxi l-art”.

Intqal li “grupp ta’ familji mill-Qala u n-Nadur issa qed jiġu mfittxija għal somom kbar ta’ flus mill-Abbazija u kumpaniji oħra li huma proprjetà tal-istess grupp ta’ nies, u ilhom għal dawn l-aħħar erba’ snin taħt pressjoni u stress enormi kif ukoll b’sens kbir ta’ inġustizzja kontrihom. Apparti s-sitwazzjoni tar-residenti, il-bdiewa li jħaddmu l-art li issa qed tintalab mill-Abbazija qed jiffaċċjaw żidiet redikoli fil-prezz tal-kirjiet tagħhom u uħud minnhom kellhom saħansitra jħallu warajhom art li ilhom jikkultivaw għal ġenerazzjonijiet sħaħ.”

Enfasizzaw li “barra minn hekk, l-art verġni li qed titlob  l-Abbazija ngħatat lil żviluppaturi għal proġetti mostrużi. Fuq din l-art, Joseph Portelli bħalissa qed jibni l-kumpless massiv f’Ta’ Kassja li jikkonsisti f’mijiet ta’ appartamenti li qed joħonqu l-Qala. Titan Developments Ltd. qegħdin japplikaw għal blokka kerha oħra ta’ appartamenti fin-Nadur. Mijiet ta’ nies oġġezzjonaw għall-proġett. Il-Kummissjoni tal-Ippjanar skedata li tiddeċiedi dwar il-proġett tan-Nadur nhar l-Erbgħa 15 ta’ Diċembru. Fl-1992 numru żgħir ta’ persuni potenti ħadmu pjan ma jitwemminx sabiex iqarrqu bir-residenti u jkunu jistgħu jibnu fuq art mhux żviluppata f’Għawdex. Fl-2017, l-Arċisqof Scicluna ippermetta s-seħħ tal-pjan bid-daqqa tal-pinna tiegħu u mingħajr mistoqsijiet għaddhielhom medda sħiħa ta’ art. Scicluna huwa b’hekk responsabbli għat-tbatija ta’ mijiet ta’ persuni u r-regħba li qed teqred l-ambjent ta’ Għawdex.”

Semmew kif  ‘fix-xhieda tiegħu fil-Qorti fit-12 ta’ Novembru, l-Arċisqof Scicluna ammetta li l-art hija proprjetà tal-fondazzjoni u li r-rettur obbligat li jħalli l-art intatta. Iżda l-Arċisqof ma jistax jinjora l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu u kellu jkun ċar fl-2017 li meta huwa ħeles mill-kontroll tal-Abbazija dan fisser li l-kontroll mar għand persuni li sempliċiment riedu jagħmlu profitti kbar mill-art. Fid-dawl ta’ dan, qed nappellaw lill-Arċisqof Scicluna biex jerfa’ r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tiegħu u jonora kemm l-obbligi morali tiegħu kif ukoll dawk marbuta mal-kuntratt tal-fondazzjoni, billi jirrevoka immedjatament id-digriet tal-ħatra ta’ Patrick Valentino u b’hekk ineħħieh minn rettur tal-Abbazija. L-Arċisqof stess ammetta li Valentino ma kellux jittrasferixxi artijiet kbar lil kumpaniji privati li issa qed jagħmlu qliegħ ta’ miljuni mill-iżvilupp ta’ din l-art. Talbu li jiftaħ azzjoni legali li tannulla l-kuntratti li jagħtu dawn l-artijiet lil kumpaniji privati fuq il-bażi li t-tali trasferimenti jmorru kontra l-kuntratt tal-fondazzjoni tal-Abbazija u l-interess fit-tul tagħha. L-Arċisqof għandu d-dmir morali li jaġixxi skont ir-responsabbiltajiet u l-fakultajiet mogħtija lilu skont it-termini tal-fundatriċi Cosmana Navarra.  

Talbu ukoll li jfittex rimedji legali sabiex il-kuntratti tas-27 ta’ Frar 2017 u 26 ta’ Marzu 2018 jiġu annullati għax dawn wasslu għal ħsara kbira għar-residenti u l-bdiewa fin-Nadur u l-Qala, l-ambjent ta’ Għawdex, l-interessi fit-tul tal-fondazzjoni, u l-interessi tal-knisja stess li tul din is-saga ħadet daqqa fir-reputazzjoni tagħha.

Sport