Wednesday, July 24, 2024

Protesti għal ħelsien ta’ balena beluga miżmuma f’tank żgħir

Aqra wkoll


Fil-qalba ta’ Seoul, fost il-ħwienet lussużi fis-sitt l-ogħla skajskrejper tad-dinja, balena beluga rari jisimha Bella qed tgħum bla skop waħedha f’tank ċkejken fejn ilha miżmuma għal għaxar snin sħaħ. Il-qagħda tagħha hija kritika, b’kampanjaturi jħaffu biex isalvawha mit-tank f’ċentru tax-xiri fil-kapitali tal-Korea t’Isfel qabel ma jkun tard wisq.

Fil-fatt, il-grupp ambjentalista tal-ħajja marina, Hot Pink Dolphins, fakkar li kważi ħames snin ilu, il-Grupp Lotte, sidien tal-akkwarju fejn tgħix Bella kien wiegħed li se jeħilsuha. Il-wegħda ma nżmmitx u għalhekk tnediet petizzjoni internazzjonali biex titlob il-ħelsien balena.

L-istorja ta’ Bella bdiet fl-2013 meta kellha biss sentejn, meta nqabdet fl-Oċean Artiku ‘l barra mill-kosta tar-Russja. Flimkien ma’ żewġ belugas maskili, Bello u Belli, inbiegħet lill-akkwarju, li jinsab f’mega-mall taħt il-Lotte World Tower għoli 555 metru, li huwa proprjetà ta’ wieħed mill-akbar konglomerati tal-Korea t’Isfel.

Fl-2016 Bello miet qabel iż-żmien fl-età ta’ ħames snin meta il-medja tal-ħajja tagħhom fis-selvaġġ hija bejn 35 u 50 sena, segwita mill-mewt ta’ Belli ta’ 12-il sena fl-2019. Minn dakinhar, l-għajta pubblika wasslet biex Lotte wegħdet li teħles lil Bella ftit wara t-tieni mewt iżda għal darb’oħra fl-2021 il-wegħda ma nżammitx.

Sadanittant, Bella tħalliet tgħum bla skop f’ilma qiegħed fit-tank tagħha. Il-balieni jistgħu jikbru sa 5.5 metru tul iżda t-tank huwa fond biss 7 metri. Skont Dr Valeria Vergara, il-ko-direttur tal-programm ta’ riċerka taċ-ċetaċji tar-Raincoast Conservation Foundation, il-balieni belugas huma intelliġenti ħafna u soċjevoli.

Huma jikkooperaw ma ‘xulxin sal-punt li jgħinu biex irabbu l-frieħ ta’ xulxin.
Għandhom ħajja twila, u ovvjament, għandhom sistema ta ‘komunikazzjoni kumplessa ħafna qal bijologu marittimu, li studja l-balieni beluga għal aktar minn għoxrin sena. “Li balieni bħal dawn jinżammu fil-magħluq huwa krudili u kontra l-etika”.

L-industrija tal-akkwarju qed tiffjorixxi sew fil-Korea t’Isfel u f’postijiet oħra fl-Asja. L-akkwarju ta’ Lotte f’Seoul huwa wieħed mill-akbar fir-reġjun u attira miljuni ta’ viżitaturi mindu nfetaħ fl-2014.

F’Diċembru li għadda, il-Korea t’Isfel ipprojbixxiet x-xiri ta’ balieni u delfini għall-skop ta’ wiri. Madankollu, il-liġi ma tapplikax b’mod retroattiv, jiġifieri li annimali diġà fil-magħluq, bħal Bella, jistgħu jinżammu. Kampanjaturi kienu qed jitolbu lil Lotte biex tagħlaq il-wirja ta’ Seoul kompletament.

Bella hija waħda minn ħames belugi fil-magħluq fil-Korea t’Isfel, flimkien ma’ waħda f’Aqua Planet Yeosu u tlieta oħra f’Geoje Sea World. Sa ftit ilu, dawn tal-aħħar kienu joffru pakketti fejn il-viżitaturi setgħu jħallsu biex jirkbu fuq il-balieni.

It-trasferiment ta ‘Bella għal santwarju mal-baħar huwa l-unika għażla etika, skond Dr Vergara. Wara li tneħħiet mill-abitat naturali tagħha f’età daqshekk żgħira, Bella ma tistax tiġi ritornata fis-selvaġġ u tgħix fl-oċean miftuħ.

Il-belugas jitgħallmu l-ħiliet meħtieġa bħall-kaċċa, il-migrazzjoni u l- komunikazzjoni mill-gruppi soċjali tagħhom Fi stqarrija, Lotte World Aquarium qalet li qed taħdem biex tipproteġi d-drittijiet tal-annimali u kienet lesta li tibgħat il-balieni beluga fi kwalunkwe santwarju.

Qalet li kien qed ikollu diskussjonijiet ma’ kumitat magħmul mill-ministeru tal-oċeani u s-sajd, gruppi tad-drittijiet tal-annimali u esperti tal-balieni biex jitwettaq ir-rilaxx ta’ Bella ibbażat fuq pjan xjentifiku u prattiku.

Żiedet tgħid li kienet qed tħares lejn santwarju fl-Iżlanda u santwarji fin-Norveġja u l-Kanada bħala għażliet alternattivi. Il-grupp Hot Pink Dolphins madankollu għadu għaddej bil-protesti u jitlob il-ħelsien immedjat tagħha barra l-bini ta’ Lotte World Tower.

Ekonomija

Sport