Saturday, December 21, 2024

“Protezzjoni lil vittmi ta’ reati sesswali minuri biex ngħinuhom jfittxu l-għajnuna”

Imressaq abbozz li fost l-oħrajn jeżenta minorenni mill-prosekuzzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Lil hinn mill-irwoli tagħna f’din l-ogħla istituzzjoni aħna wkoll bnedmin li nistmerru atteġjament inaċċettabbli ħafna drabi minn adulti irresponsabbli li jabbużaw mill-vulnerabbiltà ta’ persuni oħra, b’mod speċjali dawk minorenni”. Iddikjara dan il-Ministru tal-Ġustizzja u r-Riforma tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard waqt li kompla d-diskussjoni b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Kap 9.

Il-Ministru Attard sostna li bħala gvern maqgħud u li verament qiegħed jiffunzjona, taħt il-gwida tal-Prim Ministru Robert Abela assistejna għal investiment bla preċedent  proprju għax dan il-gvern jemmen li t-tfal tagħna posthom fuq il-bankijiet tal-iskola u li kollha kemm huma għandu jkollhom opportunitajiet ugwali biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom mingħajr l-ebda xkiel possibbli aħseb u ara kemm jitħallew jiġu sfruttati. 

L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex ikompli jipprovdi għall-protezzjoni ta’ vittmi ta’ reati sesswali li huma minuri inkluż permezz tan-nuqqas ta’ prosekuzzjoni jew l-eżenzjoni mill-piena ta’ vittmi li huma minuri għal atti li huma kienu mġiegħla jwettqu fil-kuntest ta’ reati sesswali u prostituzzjoni tat-tfal, u sabiex jipprovdu protezzjoni akbar lil xhieda vulnerabbli meta jagħmlu dikjarazzjonijiet lill-pulizija jew jagħtu xiehda f’qorti ta’ ġudikatura kriminali.

L-għan ta’ dan l-Att hu li jittrasponi d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija u li tissostitwixxi Framework Decision tal-2004.

“Għalina huwa importanti li nżidu l-għajnuna biex tfal vittmi f’dan il-proċess ikunu jistgħu jersqu u jfittxu l-għajnuna anke jekk nafu li din ħafna drabi hija l-iktar fażi diffiċli”

Il-Ministru Jonathan Attard

Minn naħa tagħha l-Kumissjoni kienet irrimarkat li l-liġi għandha tipprovdi oltre l-eżenzjoni ġenerali kif preżentament stabbilita u qalet li tista’ tintuża biss fejn ikun possibbli li tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ forza esterna li t-tifel jew tifla ma setgħux jirreżistu. Bil-liġi preżenti u fl-istess xenarju, l-Avukat Ġenerali jkun sfurzat li jibda prosekuzzjoni kontra t-tifel.

Il-liġi tindika wkoll li minuri taħt is-16-il sena, jkunu eżentati mir-responsabbiltà kriminali jekk l-att jew ommissjoni ikunu saru mingħajr ebda intenzjoni ħażina.

Għalhekk, il-Kummissjoni kienet imħassba li għal minorenni ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, l-Avukat Ġenerali m’għandux id-diskrezzjoni li ma jibdiex prosekuzzjoni, kull meta jkunu ġew imġiegħla jwettqu reat bħala konsegwenza diretta li jkunu suġġetti għal xi wieħed mill-atti imsemmija fl-Artikoli tad-Direttiva (irrispettivament mill-eżistenza ta’ forza esterna li ma setgħetx tirreżisti). 

Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll rigward nuqqas ta’ garanzija li l-evidenza miġbura minn intervisti kollha mal-vittma minuri tista’ tiġi rreġistrata awdjoviżivament biex jiġi evitat li jkun hemm bżonn tisma’ lill-minuri aktar minn darba. Għalhekk, il-Kummissjoni osservat li t-traspożizzjoni ma tiżgurax il-protezzjoni pprovduta għal minorenni bejn is-16 u t-18-il sena.

Emendi proposti: 

– Żieda ta’ proviso mal-artikolu 21 (diskrezzjoni biex tiġi applikata piena iżgħar) biex ikopri reati taħt artikoli indikati meta r-reati jitwettqu minn minuri. F’każijiet bħal dawn il-Qorti tista’ tiddeċiedi li ma timponix piena. 

– Jiżdied artikolu ġdid biex jipprovdi għan-nuqqas ta’ prosekuzzjoni jew eżenzjoni mill-piena ta’ minuri li huma vittma ta’ abbuż sesswali jew reati ta’ sfruttament. 

– Subartikolu ġdid taħt l-artikolu 346 (Dmirijiet tal-Pulizija) għandu jipprovdi għar-reġistrazzjoni awdjoviżiva meta vittma jew xhud minorenni vulnerabbli jkun qed jiġi intervistat mill-pulizija.  

– Minorenni taħt it-18-il sena jkunu nklużi (U mhux iżjed sa 16-il sena). 

– Ir-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi ta’ intervisti u dikjarazzjonijiet ta’ vittma minuri ta’ reat sesswali, jew ta’ kwalunkwe vittma jew xhud vulnerabbli, ikunu ammissibbli bħala evidenza. 

“Dawn huma emendi li jkomplu jikkonfermaw kemm bħala gvern irridu nkomplu noffru kull għajnuna lit-tfal tagħna u mhux l-kuntrarju”, tenna l-Ministru.

Ekonomija

Sport