Wednesday, April 24, 2024

Qabadha minn għonqha u taha daqqa ta’ ras… “kien qisu dimonju”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

… Omm u uliedha mheddin f’darhom mis-sieħeb tal-omm

Dettalji xokkanti irriżultaw minn sentenza mogħtija fil-Qorti fejn żewġ itfal wieħed ta’ erba’ snin u ieħor ta’ seba’ snin kienu nstabu minn ġar imwerwin u xxukkjati fil-kamra tas-sodda. Dan waqt li s-sieħeb ta’ ommhom kien sawwat lit-tifel ta’ erba’ snin, qabad lil ommhom minn għonqha, taha daqqa’ ta’ ras u għamlilha tbenġila f’għajnejha. Hu beda jheddidhom b’sikkina u meta marru l-Pulizija beda jhedded lilhom ukoll. Bit-tfal jiddeskrivuh mal-ġar bħala ‘monstru’, il-Pulizija xehdu kif ir-raġel kien qisu dimonju u ma setgħux jikkontrollawh. Finalment il-Pulizija faqgħu l-bieb u daħlu fid-dar.

Leonard Junior Bruno li jiġi ġar xehed li kien għall-ħabta ta’ nofs il-lejl meta hu kien qed jirritorna lura fir-residenza tiegħu wara x-xogħol u hu u tiela’ sema għajjat u twerżieq. Hu għaraf il-vuċijiet. Aktar ma beda tiela ‘l fuq aktar beda jiżdied l-istorbju, it-tisbit u t-tkissir.

Dak il-ħin hu reġa’ niżel ‘l isfel, qabeż fil-gallarija tar-residenza  u xħin ittawwal il-ġewwa seta’ jara it-tfal ġol-kamra tas-sodda mwerwrin. Daħal fir-residenza mill-gallarija u xehed li “dħalt ġewwa u fil-kamra tas-sodda kien hemm it-tfal. Kienu ixxukkjati u qed jirtogħdu. Għedtihom x’kien qed jiġri u huma qaluli “Dak il-monstru’. Dħalt fis-salott u hemmhekk rajt lir-raġel iżomm il-bieb u kellu sikkina f’idejh.  Ħarist lejh u hu ħares lejja.  Jien erġajt mort lura għax kont ixxukkjat. Rajt lill-mara li kellha id-demm fuq imneħirha.  Fuq il-bieb kien hemm it-tisbit.  Assumejt li kienu l-Pulizija. Bdejt nisimgħu jgħid li “mhux se tidħlu, itilqu minn dari’. Jien mort lura fil-kamra tas-sodda biex nikkalma lit-tfal għax kienu qed jibku. F’daqqa waħda smajt ħoss kbir u l-Pulizija daħlu ġewwa.  Is-sikkina waqgħetlu mal-art u l-Pulizija imbuttawh għal bejn il-fridge u l-ħajt.  Hu kompla jirreżistihom.”

L-Ispettur Josef Gauchi xehed li “kont ġejt infurmat li kienu għadhom kif arrestaw raġel wara li kienu irċevew telefonata li kien hemm leħen femminili li kien qed jgħid li kien hemm raġel qed jheddidha b’xi tfal tagħha.  Fuq il-post sibna lir-raġel jhedded lill-mara li kienet tiġi s-sieħba tiegħu kif ukoll liż-żewġ itfal tagħha wieħed ta’ erba’ snin u l-ieħor ta’ seba’ snin. Fir-reat intużat sikkina li beda jheddidha biha u biha hedded anke lill-Pulizija.  Hu għalaq il-bieb u ma riedx iħalli lill-Pulizija jidħlu. Lil mara żammha ġewwa kontra l-volonta tagħha u ma ħallihiex toħroġ u hi bdiet tgħajjat għall-għajnuna. Il-Pulizija ma kellhiex għażla oħra u kellha tifqa’ l-bieb ġewwa.  Kien hemm demm fuq imnieħer il-mara u xi ġrieħi fuq it-tifel ta’ erba’ snin. Instab xi demm imċappas mal-ħitan u xi affarijiet imkissrin mal-art.  Ġejt infurmat li huma u sejrin bih l-isptar il-ħin kollu beda jidgħi u joffendi l-Pulziija ġol-karozza u beda jtellifhom mis-sewqan tagħhom”.

Il-mara xehdet li dakinhar tal-inċident, hi, dan ir-raġel u t-tfal kienu għadhom kif waslu fir-residenza wara li kienu marru BBQ għand ommha. Sakemm hi u bintha marru għand il-ġar tagħhom biex jiġbru xi affarijiet, ir-raġel daħal fir-residenza biż-żewġt itfal subien. X’ħin daħlet id-dar semgħet lis-subien jibku u meta marret tara għalfejn kienu qed jibku wieħed mit-tfal qalilha li r-raġel kien sawwat lil ħuħ. Hekk kif ikkonfrontat lir-raġel dwar dan, hu ħadha kontra tagħha, qabadha minn għonqha, taha daqqa ta’ ras, għamlilha ‘black eye’ u qasmilha imneħirha.” Il-mara qalet li t-tifel kellu żewġ kundalli, waħda fuq moħħu u oħra fuq rasu u kellu tbenġil fuq widintu u spalltu. Meta marru l-isptar hu inżamm għal tlett ijiem taħt osservazzjoni u sarulu xi testijiet biex jaraw li kollox kien sew peress li kellu xi demm mal-urina.  Hi spjegat li kif daħlu l-Pulizija hi ħarbet bit-tfal. Hi iddikjarat li qed taħfirlu ta’ dak li ġara.

Il-Pulizija Joseph Sultana xehed li “beda joffendina l-ħin kollu u b’ommna. Kull dagħwa qawwija, jgħajjat magħna u jinsulentana. Kien jidher li mhux fi stat tajjeb. Kien qisu dimonju. Ma stajniex nikkontrollawh. X’ħin nordnawlu jħarsilna bl-ikrah u joffendina”.

Intant minn rapport tal-probation officer dwar ir-raġel u l-imġieba tiegħu jintqal li “l-aktar punti predominanti li ħarġu huma dawk ta’ abbuż ta’ droga u alkohol u l-impulsività qawwija tiegħu. Din l-impulsività qiegħda twassal biex ir-raġel ikun aggressiv b’detriment għal dawk ta’ madwaru. Hu kellu problemi fi tfulitu fejn missieru kien ikun vjolenti miegħu u ma’ ommu. Dan seta’ b’xi mod ħalla impatt fuqu u fi żmien l-adoloxxenza hu kien jabbiża mid-droga. Hu għandu l-kundizzjoni  ta’ ADHD u għandu id-dijanjosi tal-Bipolar Mood Disorder.

Il-Qorti sabitu ħati tat-tlettax-il akkuża li kien akkużat bihom. Biss peress li llum hu qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jiffaċċja u jitratta l-problemi u qed jgħix ħajja aktar stabbli, il-Qorti qegħditu taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tlett snin.

Sport