“Qatt ma għaddejt informazzjoni” – Keith Schembri jiċħad allegazzjonijiet dwar leaks fl-investigazzjoni

Aqra wkoll

L-eks Chief of Staff Keith Schembri beda x-xhieda tiegħu fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech billi ċaħad kategorikament li qatt għadda informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, filwaqt li ta dettalji dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma u l-kumpanija 17 Black.

Keith Schembri tela’ fuq il-pedana tax-xhieda nhar it-Tnejn, f’dik li hija waħda mill-aktar seduti mistennija fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, fejn qabel beda jixhed qal lill-Qorti li kien lest “jixhed fuq kollox”, minkejja li ġie mfakkar mill-Imħallef Edwina Grima li seta’ jagħżel li ma jweġibx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Schembri spjega li serva bħala Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-2013, fejn qal li r-rwol tiegħu kien li jara li l-wegħdiet elettorali tal-Gvern jitwettqu u li jikkoordina diversi inizjattivi u investimenti.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, Schembri qal li ilu jafu minn meta kellhu madwar 14-il sena u ddeskrivieh bħala “wieħed mill-aqwa negozjanti ta’ dak iż-żmien.”

Huwa spjega li kienu jikkomunikaw permezz ta’ Signal u WhatsApp dwar negozju u suġġetti personali, filwaqt li kkonferma li Fenech kien jiltaqa’ miegħu f’Kastilja fuq kwistjonijiet relatati mal-Electrogas. Qal ukoll li kien żar ir-ranch u d-dgħajsa ta’ Fenech diversi drabi, inkluż wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ma kienx jaf lil Melvin Theuma

Il-Prosekuzzjoni ffukat ukoll fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Melvin Theuma.

Schembri sostna li ma kienx jaf lil Theuma meta dan mar fl-uffiċċju tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2017 biex jitlob l-għajnuna għal impjieg u jieħu ritratt miegħu.

Huwa qal li aktar tard kien qalulu li Theuma kien preżenti wkoll waqt żjara fir-ranch ta’ Yorgen Fenech, iżda insista li dak iż-żmien ma għarafx min kien.

Mistoqsi dwar il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia, Schembri qal li kien ingħata parir minn Kurt Farrugia u Matthew Carbone biex iżomm kopja ta’ dak kollu li kienet tikteb dwaru. Qal li kien jirrabja meta kienu jiġu ppubblikati stejjer dwaru jew dwar il-familja tiegħu u li xi drabi kien jiddiskuti dawn il-kitbiet ma’ Yorgen Fenech.

Jiċħad rabta ma’ 17 Black

Il-Prosekuzzjoni għamlet diversi mistoqsijiet dwar Tillgate, il-kumpanija ta’ Schembri fil-Panama. Schembri kkonferma li Tillgate kienet tiegħu u qal li nħolqot bħala parti mill-istruttura tat-trust li kien fetaħ fi New Zealand. Huwa ċaħad li qatt kellu arranġament ma’ 17 Black, minkejja li l-kumpanija kienet elenkata bħala klijent potenzjali ta’ Tillgate. Schembri qal li hu u Fenech kienu jitkellmu biss dwar possibbiltajiet ta’ negozju fil-futur, wara li hu kien joħroġ mill-politika, fosthom fil-qasam tar-riċiklaġġ.

Meta mistoqsi dwar kumpaniji offshore oħra, Schembri ddeskriva Egrant bħala “kolp ta’ stat kontra l-Prim Ministru”

“Qatt ma għaddejt informazzjoni”

Il-parti ewlenija tax-xhieda ffukat fuq l-allegazzjonijiet li informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni kienet ġiet mgħoddija lil Yorgen Fenech. Schembri kkonferma li fil-laqgħat li kienu jsiru f’Kastilja kienu jiġu diskussi d-dati tal-operazzjonijiet li wasslu għall-arrest tal-aħwa Degiorgio. Madankollu, ċaħad b’mod kategoriku li qatt għadda dik l-informazzjoni lil xi ħadd. “Le, qatt.” Schembri sostna wkoll li MaltaToday kienet irrapportat dwar ir-rejd fil-potato shed qabel ma seħħ, filwaqt li qal li ma jafx kif Melvin Theuma seta’ kien jaf bid-data tal-arresti.

Meta mistoqsi jekk qattx informa lil Yorgen Fenech dwar ir-rejd, wieġeb: “Żgur li le.” Huwa qal ukoll li ma jafx għaliex Fenech kien interessat ikun jaf li Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, kien beda jikkollabora mal-pulizija.

Diskussjoni legali fl-awla

Qabel waqfet is-seduta għal nofsinhar, il-proċeduri twaqqfu għal ftit minuti hekk kif id-difiża oġġezzjonat għall-mod kif il-Prosekuzzjoni kienet qed tagħmel il-mistoqsijiet tagħha.

L-avukat Charles Mercieca argumenta li l-Prosekuzzjoni kienet qed tippreżenta fatti bħala stabbiliti meta dawn għadhom qed jiġu kkontestati.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, l-Imħallef Edwina Grima ordnat lill-Prosekuzzjoni biex tevita mistoqsijiet suġġestivi u fakkret li fatti mhux stabbiliti ma għandhomx jiġu ppreżentati lix-xhud bħallikieku diġà ġew ippruvati, sakemm il-Qorti ma tagħtix permess għal dan.

Is-seduta ġiet sospiża għal waqfa ta’ nofsinhar u mistennija tkompli fit-3pm bix-xhieda ta’ Keith Schembri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport