Tuesday, July 28, 2026
Home Internazzjonali Trump jiddefendi l-politika tiegħu tat-tariffi 

Trump jiddefendi l-politika tiegħu tat-tariffi 

0
9

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump iddefenda bil-qawwa l-politika ekonomika tiegħu fl-istat ta Michigan – stat li ntlaqat ħafna mit-tariffi ta Trump, partikolarment fis-settur tal-manifattura tal-karozzi. 

Waqt li tkellem f’impjant tal-kumpanija General Motors fil-belt ta’ Milford, Trump sostna li t-tariffi storiċi tiegħu qed jagħtu spinta ġdida lill-industrija tal-karozzi u qed iġegħlu lill-kumpaniji Amerikani jirrilokaw l-operazzjonijiet barranin tagħhom lejn l-Istati Uniti.

Madankollu, it-tkabbir tal-impjiegi f’Michigan naqas drastikament u l-istat għandu waħda mill-ogħla rati ta’ qgħad fl-Istati Uniti. L-ekonomija ta’ Michigan tiddependi ħafna fuq il-Kanada, pajjiż li ntlaqat ferm ħażin minn sensiela ta’ tariffi Amerikani.

Hemm imposta ta’ 25% fuq komponenti mhux Amerikani użati f’vetturi mmuntati fil-Kanada, kif ukoll fuq partijiet li ma jaqgħux taħt il-ftehim tal-kummerċ ħieles tal-Amerika ta’ Fuq, magħruf bħala l-USMCA. Hemm ukoll tariffi fuq l-azzar, li affettwaw lill-industrija b’mod indirett.

Dawn it-tariffi huma mistennija jiżdiedu biss jekk l-Istati Uniti twettaq iż-żieda ppjanata għal 50% fuq ċerti oġġetti Kanadiżi, inklużi l-karozzi. 

Bħala ġuistifikazzjoni li l-politika ekonomika ta’ Trump qed tħalli l-frott, nhar it-Tnejn il-White House irrefriet għall-investiment ta’ $6 biljun minn General Motors (GM) fil-manifattura fl-Istati Uniti, kif ukoll għal investimenti iżgħar minn Ford, Stellantis u Detroit Diesel.

Is-sena l-oħra, il-produzzjoni tal-vetturi naqset fit-tliet pajjiżi tal-Amerika ta’ Fuq kollha – bil-Kanada tirreġistra l-akbar tnaqqis ta’ 5.4%, skont analiżi tat-TD Bank – u l-manifatturi tal-karozzi bdew jagħmlu bidliet fil-linji tal-produzzjoni tagħhom.

L-impatt tat-tariffi ta Trump, flimkien mal-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil li rriżultat mill-gwerra fl-Iran, qajjem tħassib f’ħafna komunitajiet f’Michigan u madwar il-pajjiż kollu.

Dejta mill-Bureau of Labor Statistics (BLS) turi li Michigan żied biss 500 impjieg fit-12-il xahar sal-aħħar ta’ Ġnju ta’ din is-sena, meta mqabbel ma’ Texas, li żied 177,900 impjieg.

L-uffiċjali tal-istat irrappurtaw li r-rata tal-qgħad f’Michigan kienet ta’ 5.1% f’Mejju. Ftit stati biss – fosthom Illinois, Nevada, California, Connecticut, Oregon u Washington – kellhom rata ta’ 5% jew ogħla.

Madankollu, Trump faħħar ripetutament il-politiki ekonomiċi tiegħu u l-impatt li dawn qed iħallu fuq il-ħaddiema tal-industrija tal-karozzi fl-istat ta Michigan tant li mal-ħaddiema tal-GM ftaħar li “fl-aħħar mill-aħħar, Michigan għandha president li jiddefendi lill-ħaddiema tal-karozzi filwaqt li attribwixxa kwalunkwe problema lil politiċi Amerikani “globalisti” li hu jemmen li “tradew” lill-ħaddiema Amerikani.

Iż-żjara tal-President Trump f’Michigan ħabtet mal-ftuħ tal-Pont Internazzjonali l-ġdid Gordie Howe, li jgħaqqad lil Detroit u Windsor, il-bliet ewlenin tal-manifattura tal-karozzi f’kull wieħed miż-żewġ pajjiżi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here