Kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija ghas-Servizzi tal-Qorti u kif ukoll il-Kontrollur Finanzjarju tal-istess Aġenzija lbieraħ fil-Qorti kkonfermaw li qatt ma ġie ffirmat kuntratt mal-esperti barranin li ħadmu fuq l-inkjesta dwar l-isptarijiet u lanqas kien hemm engagement letter magħhom.
Mistoqsija dwar kif ġew stabbiliti r-rati tal-ħlasijiet lil dawn l-esperti, iż-żewġ uffiċjali wieġbu li huma mxew mad-digriet tal-Maġistrat Gabriella Vella u t-talbiet għall-ħlasijiet kienu jitressqu lilha li min-naħa taghħa kienet tapprova li jsiru dawn il-ħlasijiet.
L-Imħallef Edwina Grima lbieraħ kompliet tisma’ l-kawża li qed issir dwar ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi li nħarġu fil-konfront ta’ wħud mill-akkużat fl-inkjesta tal-isptarijiet. Fis-seduta tal-lum sar magħruf ukoll li minkejja li l-esperti nħatru mill-Maġistrat Vella fuq bażi individwali, il-ħlasijiet dejjem saru lil kumpaniji fosthom lill-kumpanija Harbinson Forensics, tal-espert Irlandiż Jeremy Harbinson. Din il-kumpanija ġie xolta immedjatament wara li ntemmet l-inkjesta.
Fil-bidu tas-seduta tal-lum il-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Bernice Bugeja ppreżentat numru ta’ invoices b’rabta max-xogħol tal-esperti fuq l-inkjesta tal-isptarijiet. Minħabba li wħud mill-invoices ikopru xogħol fuq iktar minn inkjesta waħda, l-Avukati difensuri Franco Debono u Mark Vassallo talbu li jingħataw dettalji minn dawn l-invoices tan-numru ta’ sigħat li matulhom kien hemm xogħol fuq l-inkjesta tal-isptarijiet u f’hiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol.
L-Avukat Debono qal li qed isiru dawn it-talbiet għaliex dan mhux każ normali fejn espert partikolari qiegħed iqajjem suspetti bl-aġir tiegħu li ma jridx jixhed u billi llikwada l-kumpanija tiegħu. Saħaq illi issa sar anki magħruf illi l-esperti tħallsu ammonti konsiderervoli bla rbit ta’ xejn. Akkwistaw kemm felħu u issa biex jiġi jixhdu jridu iktar ħlasijiet, saħaq l-avukat Debono.
L-Imħallef Grima qalet illi li filwaqt li l-avukat Debono għandu raġun jgħid dak li qal dwar Jeremy Harbinson, li wieħed idur kull invoice biex jara l-esperti xi tħallsu mhux neċessarjament huwa rilevanti għall-proceduri li hemm quddiemha dwar l-ordnijiet tal-iffrizar.
L-avukat Luke Dalli, li qieghed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat spjega illi minħabba li fis-seduti li jmiss se jintalbu jixhdu l-esperti infushom, huma bħala avukati difensuri jkollhom bżonn informazzjoni li fuq il-bażi tagħha jsiru l-mistoqsijiet. Għall-mistoqsija tal-avukat Dalli dwar jekk l-Agenzija għas-Servizzi tal-Qorti wettqitx xi eżerċizzju sabiex tara jekk kienx hemm invoices doppji, il-Kap Eżekuttiv Eunice Grech Fiorini wieġbet li ma tafx, bl-avukat Dalli jirrimarka li dan ifisser li allura m’hemmx konferma li ma kienx hemm invoices doppji.
Sadanittant is-seduta kienet aġġornata għat-Tlieta 8 t’April fejn se jintalbu jagħtu x-xhieda taghhom, tlieta mill-esperti barranin li ħadmu fuq l-inkjesta. Minkejja li l-inkjesta dwar l-isptarijiet swiet €11-il miljun l-Imħallef Edwina Grima qalet li ma setgħetx issib l-indirizz fiss ta’ tnejn minn dawn l-esperti u kellhom ikunu l-istaff tagħha li rnexxielhom isibu l-indirizzi elettroniċi tagħhom waqt li fil-każ tal-espert l-ieħor instab l-indirizz fiss iżda mhux l-indirizz elettroniku. Dawn it-tliet esperti ġew informati illi jridu jixhdu fis-seduta li jmiss.
L-inkjesta dwar l-isptarijiet ħadet ħames snin biex tlestiet u kienet ippublikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda. Fuq il-bażi tagħha nħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.