Sunday, November 24, 2024

Qawmien kulturali sħiħ li jsaħħaħ l-identità Maltija

Aqra wkoll

Il-poplu Malti, bħalissa qed jara b’għajnejh ruxxmata ta’ attivitajiet kulturali imferrxa f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, minn drammi u pageants tal-Ġmgħa Mqaddsa għal paġni sħaħ ta’ attivitajiet fil-kalendarju kulturali nazzjonali għal din is-sena. Dan jixhed li l-għożża li għandna bħala poplu għall-kultura u l-wirt storiku tagħna qed dejjem tikber u tiżdied.

Tabilħaqq, il-kultura tagħna hija l-identita tagħna. Hija dak l-element, kif dejjem sostnejna, li jiddistingwina minn ġnus oħra. Dan mhux aħna biss nirrikonoxxuh imma saħansitra n-Nazzjonijiet Uniti li f’dawn l-aħħar snin permezz tal-UNESCO il-festi Maltin u l-ftira Maltija ġew dikjarati bħala Wirt Intanġibbli ta’ l-Umanita.

F’dan kollu jidher li l-impenn u l-ħeġġa tal-Gvern, partikularment tal-Ministeru responsabbli mill-kultura, m’humiex nieqsa. L-ispinta, anki finanzjarja, li qed tingħata l-kultura u l-wirt storiku ta’ pajjiżna qed iwassal għal għarfien sostanzjali mhux biss lokalment imma saħansitra anki f’pajjiżi oħra lil hinn minn xtutna. Il-Malta Biennale li fetaħ il-bibien tiegħu din il-ġimgħa u li qed isir għall-ewwel darba f’pajjiżna hu mifrux fuq diversi ġimgħat sa l-aħħar ta’ Mejju. Dan hu xiehda ta’ l-investiment b’saħħtu li qed isir f’dan is-settur.

Il-pajjiż tagħna, anki fiċ-ċokon tiegħu, jista jiftaħar bit-talent li għandna f’diversi oqsma tal-kultura. Għalhekk ma nistgħux inħallu barra milli nsemmgħu wkoll il-festival Mużika Muzika li r-raba’ edizzjoni tiegħu se ssir fi tmiem din il-ġimgħa. Dan il-festival prestiġjuż u mistenni, minnu nnifsu, qed ikun pjattaforma għall-kanzunetta Maltija f’ġeneri differenti ta’ mużika.

Fuq kollox iżda dak li jinkuruna l-identita’ tagħna bħala nazzjon fost in-nazzjonijiet huwa lsienna. L-ilsien li bih nikkomunikaw ma’ xulxin ta’ kuljum. Fix-xhur li għaddew dan iżda kien taħt il-lenti anki tal-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta. U bir-raġun.

F’dan il-kuntest, ninnotaw ta’ sikwit episodji fejn l-ilsien Malti mhux talli mhux jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu imma aktar agħar qed jingħata l-ġenb kemm bħala lingwa mitkellma kif ukoll miktuba, l-aktar fuq il-mezzi tl-amidja soċjali. Dan ilna nilmentaw dwaru u se nkomplu nistqarruh għax l-ilsien Malti jixraqlu aħjar.

Quddiem dan kollu, ma nistgħux ma nistaqsux kemm verament bħala poplu qegħdin nindokraw tassew ilsien art twelidna. Dan ngħiduh għax nemmnu li l-ġenerazzjoni li tielgħa ma tantx tidher li hi konxja tal-valur importanti li għandu f’ħajjitna lsien pajjiżna.

Filwaqt li napprezzaw u nifirħu meta naraw qawmien daqstant qawwi fl-oqsma kulturali f’pajjiżna, irridu ngħidu wkoll li dan ipoġġi fuqna l-ġenerazzjoni tal-lum ir-responsabbilta li nibżgħu għal u nħarsu dak kollu li għandna llum. Fuq kollox għandna niftakru dejjem illi ġens nieqes mill-kultura u mingħajr ilsien huwa ġens mingħajr ruħ.

Sport