Friday, November 22, 2024

Qbil biex titniżżel l-età għal min jopera aġenzija tal-impjieg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Se nkunu qed nemendaw l-avviż legali b’dan illi persuna ta’ 18-il sena tkun tista’ topera aġenzija tal-impjieg. Dan jagħmel ħafna sens mal-politika li dejjem mexxejna ‘l quddiem bħala Partit Laburista fil-Gvern. Dwar dan se jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.” Qal dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul meta llum kienet qed tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ikun emendat l-avviż legali dwar l-aġenziji tal-impjieg.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul beda biex qal li din kienet waħda mill-akbar liġijiet li qatt ġew introdotti f’pajjiża f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi industrijali. Qal li b’din il-liġi, l-aġenziji tal-impjiegi irid ikollhom liċenzja. Dan filwaqt li hemm kriterji rigorużi ta’ kif wieħed jista’ jitlef il-liċenzja jew kif il-liċenzja ta’ kumpanija ma tiġix imġedda fost oħrajn.

B’din il-liġi qiegħda titwettaq ukoll wegħda oħra tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista. “Għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkollna qafas regolatorju robust u professjonali,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul. Huwa wera l-impenn tiegħu illi d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) se jkun qiegħed jissaħħaħ mil-lat amministrattiv bl-iskop li bħala Gvern ikun hemm aktar viżbilità fuq l-operaturi u fuq il-ħaddiema barranin li se jkunu qed jiġu f’pajjiżna.

Dr Ellul żied jgħid ukoll li “l-użu tal-internet se jkun permissibbli għal lok ta’ reklamar però meta niġu għal dak l-avviż li kumpanija tagħti illi se tibda topera hemm qed ngħidu li għandu jkun hemm pubblikazzjoni f’żewġ gazzetti lokali.”

“Fix-xogħol tagħna għandu jkollna dejjem dinjità” – id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Fl-istess dibattitu tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Chris Fearne, li qal li l-għan wara dawn l-emendi li hemm qbil fuqhom huwa li tkompli tiġi mtejba din il-liġi dwar l-aġenziji tal-impjieg.

“Bħala Gvern u Oppożizzjoni hemm ir-rieda li nkomplu niddiskutu biex dan l-avviż legali ntejbuh,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Il-prinċipju essenzjali huwa li kulħadd f’pajjiżna, hu min hu, jagħmel x’jagħmel, għandu jkollu ħajja ta’ dinjità.”

Id-Deputat Prim Ministru Fearne żied jinnota li l-maġġoranza kbira tal-aġenziji tal-impjieg huma serji f’xogħolhom però saħaq li ma jrid ikun hemm l-ebda istanza fejn persuna, għaliex hija vulnerabbli, tiġi sfruttata.

“Nemmen li fejn hemm il-vulnerabbli, il-Gvern għandu jintervjeni sabiex kull persuna f’pajjiżna jkollu ħajja ta’ dinjità,” tenna jgħid Fearne.

“Messaġġ ċar li wara kull impjieg hemm persuna” – il-Ministru Clayton Bartolo

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo sostna li kien dan il-Gvern li kellu l-kuraġġ iressaq din il-liiġi li tibgħat messaġġ ċar li wara kull impjieg hemm persuna. “Lil dawn il-persuni aħna mhux narawhom bħala numri imma qed nitkellmu fuq riforma importanti biex naraw li kulħadd ikollu l-umanità tiegħu. Riforma li se tgħin biex jonqos l-abbuż fejn jidħlu l-ħaddiema, b’mod patikolari l-ħaddiema barranin,” qal il-Ministru Bartolo.

Huwa qal ukoll li din il-liġi se tkun kruċjali biex inkunu nistgħu nħarsu ‘l quddiem għal trattament iżjed xieraq u dinjituż. Sostna li t-turiżmu huwa vjaġġ kontinwu u l-pass li jmiss huwa li jidħlu f’aktar dettall u jaraw li kulħadd jieħdu l-valur għall-flus li jkun qed iħallas. “Qed naħdmu biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun introdotta l-iskills pass f’pajjiżna. Irridu naraw li r-riforma f’dan is-settur tkun waħda ħolistika,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qiegħed jaqbel mal-Oppożizzjoni illi fejn nistgħu ntejbu, inkomplu niddiskutu biex ikollna l-aqwa liġi possibbli u ma jitħalla l-ebda lok ta’ tħassib. Qal ukoll li kien qiegħed jilqa’ l-istedina li saritlu mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul biex jiltaqgħu u jerġgħu jiddiskutu dawn l-emendi.

Sport