Thursday, October 8, 2026
Home Bloggers QDUSIJA

QDUSIJA

0
42

Matul is-snin, u sal-lum, bqajt nistagħġeb bl-imġiba ta’ ċerti individwi li jippreżentaw ruħhom bħala xempji ta’ qdusija. Jiddemonizzaw bla xkiel ta’ xejn lil min ma jaqblux miegħu. L-iċken kritika li ssir lejhom jirribattuha bl-akbar ħruxija – eżatt kif imexxu l-kritika tagħhom lejn ħaddieħor.

Biss imbagħad, jispeċjalizzaw ukoll f’kif jippreżentaw irwieħhom bħala verġni u martri. Dak li huma jgħidu u jagħmlu kontra ħaddieħor hu benfatt, qaddis. Dak li ħaddieħor irendilhom bl-istess manjiera tagħhom, jipproġettawh bħala turija tal-aqwa ħdura.  Kif  setturi tal-poplu jibqgħu jqisuhom bħala konvinċenti jimmeraviljak.

Kien hemm żmien meta kont naħseb li dil-ħaġa tiġri bħala riżultat ta’ solidarjetà familjari u klassista. Jista’ jkun li dawn it-talin, jibbenefikaw mill-effetti maħluqa mill-medja elettroniċi joħolqu fost is-saffi tal-poplu. Imma li jgħaġġibni hu kif jibqgħu jippretendu b’suċċess li l-velenu li jindirizzaw lejn ħaddieħor hu leġittimu u mhux problematiku, waqt li dak indirizzat lejhom hu tal-mistħija u kundannabbli.

SPEJJEŻ MOĦBIJA

Hemm spejjeż fil-ħajja li ma jitkejlux bi flus. Bħall-ħin moħli fit-traffiku… id-dewmien fi kjuwijiet għall-karozza tal-linja… biex tħallas f’supermarket… biex tinqeda f’bank… Dawn l-ispejjeż jinħassu fuq “kontijiet” individwali. Oħrajn jinħassu fuq livell kollettiv: bħal meta xogħlijiet publiċi u privati idumu ħafna biex jitlestew u joħolqu żgombri u inkonvenjenzi għal ċittadini li ma jkollhom xejn x’jaqsmu mal-proġett – biex ma nsemmux meta x-xogħlijiet isiru ħżiena u jkollhom jerġgħu jinbdew mill-ġdid.

Dejjem sibtha ħaġa stramba kif dawn l-ispejjeż rari jingħataw attenzjoni. Ħlief forsi meta xi ħadd jirnexxilu joħloq kampanja dwar xi waħda minnhom li tqanqal kjass politiku.

TURIŻMU TAL-FLATS

Nisimgħu ħafna dwar il-qagħda tal-lukandi, qodma u ġodda – kemm qed jiżdiedu, kif qed jiġġeddu, id-diżgwid li joħolqu waqt li jinbnew, il-profil turistiku tagħhom fil-pajjiż. L-istess ma jistax jingħad dwar is-settur tal-akkomodazzjoni turistika fil-flats mikrija minn sidien privati. Jissemma l-aktar fl-istatistika dwar it-turiżmu. Jew meta tqum xi polemika dwar l-istejjer li joħolqu xi turisti fejn joqogħdu, l-aktar f’inħawi bħal Swieqi, imma mhux biss. Sa fejn naf jien (u forsi għandi żball) ma twaqqfitx xi għaqda li tirrapreżenta das-settur li fl-aħħar xhur dwaru tħabbru miżuri ta’ regolmentazzjoni aktar stretti biex jitrażżnu abbużi ta’ turisti alloġġjati b’dal-mod.

M’hemmx dubju li das-settur xtered u kiber bil-qawwi. Ħafna minn dawk li jiddisponu minn xi propjetà tgħallmu li aħjar jikruha għal ftit jiem lil turisti milli għal sena jew aktar lil inkwilini Maltin. Il-preżenza tagħhom fix-xena nazzjonali saret forza politika u ekonomika. Għalhekk tajjeb li jkun hemm aktar informazzjoni publika dwar dan is-settur.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here