Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn etá żgħira. Kont inħobb nara l-logħob ma’ missieri u dejjem kien jinkoraġħini biex insegwi l-isport. Bdejt nilghab meta kelli madwar 4/5 snin u minn dakinhar ‘l hawn, tħabbibt mal-logħba u l-futbol spiċċa sar passjoni għalija aktar milli passatemp!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United FC.
L-esperjenza tiegħi mal-Kalkara jien personali niddeskriviha bħala waħda pożittiva. Huwa klabb li dejjem sibt rispett u għajnuna mingħandu. Klabb li jemmen fit-talent taż-żgħażagħ u jħeġġeġ l-ispirtu tat-tim. Kbirt bħala plejer u anke bħala persuna grazzi għall-kumitat, kowċis u sħabi fit-tim.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għal Kalkara United?
L-istaġun li għadda kien wieħed inkredibbli għal kulħadd f’Kalkara United. Irbaħna l-kampjonat, iżda ma kienx faċli. Ħdimna ħafna mill-ewwel jum sal-aħħar, u kulħadd fil-klabb qasam l-istess għan u mentalità. L-għaqda fl-iskwadra, flimkien mal-impenn tal-plejers, il-coaching staff, u t-tmexxija tal-klabb, kienet raġuni kbira għaliex ksibna suċċess. Kien staġun li dejjem se nibqa’ niftakar!
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed nersqu lejn l-istaġun li ġej bl-istess mentalità li għenitna nirnexxu s-sena l-oħra. Nafu li kull staġun iġib sfidi ġodda, għalhekk irridu nibqgħu ffukati, inkomplu naħdmu ħafna, u nkomplu nitjiebu. L-għan tagħna huwa li nibqgħu kompetittivi u nilħqu l-għanijiet li l-klabb jistabbilixxi għall-istaġun.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti żdied fil-livell f’dawn l-aħħar snin kemm fir-rigward tat-talent li qed jiżviluppa kif ukoll fil-kompetizzjoni. Qed issir aktar enfażi fuq it-tfal u ż-zgħażagħ, b’taħrig aħjar u struttura aktar professjonali. Hemm bżonn aktar xogħol, speċjalment f’termini ta’ faċilitajiet u investiment, imma ż-żieda fil-kwalità hija ċara.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Xi faċilitajiet huma tajbin, imma hemm bżonn ċerti tibdiliet f’ħafna minnhom. Biex plejer jiżviluppa kif suppost, hemm bżonn ta’ pitches u ambjent tajjeb għat-taħriġ. Faċilitajiet aħjar jgħinu biex jitla’ l-livell tal-logħba fil-pajjiż.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa qed nieħu l-futbol sena b’sena. Qed nipprova nagħmel kull staġun jgħodd, bħal donnu hu l-aħħar wieħed. Naħdem b’saħħti, inkun dedikat u dixxiplinat. Dawn mhux biss jgħinuni fil-futbol, imma anke barra mill-grawnd u fil-ħajja ta’ kuljum. Dejjem nieħu l-futbol staġun b’staġun u niffoka fuq il-preżent. Għalija, l-aktar ħaġa importanti hija li nibqa’ bil-ġħatx għas-suċċess, nibqa’ naħdem ħafna, u nkompli ngawdi l-logħba. Sakemm ikolli l-mentalità li nitħarreġ, nikkompeti, u niġġieled għat-tim tiegħi kuljum, inkun naf li lest għal staġun ieħor. Bħalissa, l-attenzjoni tiegħi hija li nagħti l-aħjar tiegħi għal Kalkara United u nara liema opportunitajiet jiġu permezz ta’ xogħol iebes.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi: emmen fik innifsek. It-talent hu importanti, imma x-xogħol iebes, id-dixxiplina u l-konsistenza jagħmlu d-differenza vera. Ibqa’ ffukat, ħu pjacir, u l-futbol jagħtik ħafna esperjenzi sbieħ!

