Saturday, December 21, 2024

“Qiegħed nistenna budget ieħor soċjalment b’saħħtu…iżda fuq kollox miżuri mmirati għall-familji speċjalment bit-tfal”

- Mark Musù, Segretarju Permanenti Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat

Aqra wkoll

“Qiegħed nistenna l-ġurnata tat-28 ta’ Ottubru b’ċertu ħerqa għax qiegħed nistenna Budget ieħor soċjalment b’saħħtu, kif wara kollox kienu l-budgets fl-aħħar snin. Qiegħed nistenna li l-Budget 2025 ikun fih miżuri li jkomplu jibnu fuq il-budgets ta’ qabel. Dawn il-mżuri għandhom ikomplu jwieżnu lill-ħaddiema, lill-pensjonanti, anzjani, persuni b’diżabilità, persuni bi dħul baxx jew medju u persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà. Miżuri li minn naħa jkomplu dak diġà mibdi f’budgets passati u min-naħa l-oħra, miżuri ġodda biex jindirizzaw realtijiet soċjali li kontinwament jevolvu u jinbtu. Filwaqt li se tkompli tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjoni għall-pensjonanti preżenti, il-budget irid jindirizza wkoll is-sostenibbiltàa u l-adegwatezza tal-pensjonanti futuri.”

Hekk qal lil IT-TORĊA s-Segretarju Permanenti Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, Mark Musù fejn enfasizza li, “iżda fuq kollox, il-Budget għandu jkun fih diversi miżuri mmirati għall-familji, speċjalment dawk bit-tfal. Għandu jkun fih ukoll miżuri li jkomplu jindirizzaw kemm il-housing soċjali kif ukoll dak affordabbli”.

Ngħinu lil min jeħtieġ…

Nippremjaw lil min kapaċi javvanza

Musù spjega kif f’dawn l-aħħar snin daħlu mijiet ta’ miżuri mmirati għal kategoriji differenti ta’ nies biex jindirizzaw sitwazzjonijiet partikolari. Elabora li, “dan sar bi ħsieb u bi pjan biex, filwaqt li minn naħa ngħinu lil min jeħtieġ l-għajnuna, mill-banda l-oħra ninċentivaw lil min kapaċi javvanza soċjalment biex jagħmel dan il-pass”.

Huwa qal li dan kollu wassal biex fl-aħħar deċennu rajna tnaqqis mhux żgħir ta’ kważi 5% fir-rata tar-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali, tnaqqis sostanzjali ta’ kważi 7% fir-rata ta’ ċaħda materjali severa (illum hawn terz ta’ dak li kien hawn qabel), tnaqqis sostanzjali wkoll ta’ kważi 12% fir-rata ta’ ċaħda materjali (inqas min-nofs ta’ li kien hawn qabel) u tnaqqis enormi ta’ 60% fin-numru ta’ dawk li jiddipendu mill-assistenzi soċjali.

“Illum għandna wkoll l-inqas livelli ta’ qgħad u l-ogħla livelli ta’ nies jaħdmu li qatt kellu pajjiżna. Il-Budget 2025 għandu jkollu miżuri soċjali li jkomplu jikkonsolidaw dawn ir-riżultati sbieħ u jsaħħuhom. Fuq kollox, miżuri li jagħmlu ġustizzja soċjali mal-Maltin u l-Għawdxin kollha bbażati fuq is-solidarjetà u l-ippremjar tal-bżulija. Miżuri li jkomplu jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies,” temm Mark Musù.

Ekonomija

Sport