Friday, December 20, 2024

QISHA LOGĦBA FOOTBALL

Aqra wkoll

L-agħar li jista’ tiġri hu li l-gwerra tal-Ukrajna titqies bħala xi partita football, b’ferħ u dwejjaq fuq naħa jew oħra skont kemm armata tkun avvanzat ’il quddiem u lura minn fruntiera għal oħra.

Hekk kien ġara fi żmien il-gwerra tal-Vjetnam, bil-ġlied u l-attakki jitbandlu minn tarf għall-ieħor ta’ dak il-pajjiż. U għal snin twal. Hekk jiġri f’kull gwerra li tinħass imbiegħda u li ttul. L-Ukrajna mhijiex imbiegħda daqskemm  kien il-Vjetnam, u x-xokk mal-invażjoni tar-Russi kien li l-gwerra reġgħet ħadet fl-Ewropa. 

Imma maż-żmien, ħlief għall-konsegwenzi li nqalgħu fil-qasam tal-enerġija (u tal-prezzijiet) il-gwerra inħasset titbiegħed.  Anke r-rapportaġġi dwarha bdew jieħdu s-sura ta’ xi kompetizzjoni kważi sportiva. Xejn ma jrendi l-attività traġika li hi gwerra aktar inumana u assurda minn meta nies “minn barra” jqisuha qisha għaddejja minn fażijiet fejn inċapċpu għal dak li jkun għaddej skont min jinsab qed ifajjar l-aqwa dannu lin-naħa opposta. 

IL-QARI

Il-qari sar attività anakronika, talanqas il-qari mill-kotba u mill-gazzetti. L-aktar qari li jsir hu minn messaġġi elettroniċi u minn testi li jitpoġġew fuq l-internet, anke fil-qasam tal-aħbarijiet. Dan qed iwassal biex il-prattika tal-qari ssir b’mod spezzettat, fil-qosor.

Stajt nifhem dan aktar minn kif ġurnalista spjegatli d-differenza bejn il-kitba għal fuq l-internet u għal fuq gazzetta jew anke għar-radjo u t-televixin. Tal-aħħar jistgħu jiġu mifruxa f’aktar tul, imqabbla ma x’jgħodd għal fuq l-internet. 

B’hekk in-nies qed tidra taqra x’jista’ jeħodlok biss minuta jew tnejn; it-tul idejjaq u jfixkel. Il-problema hi li bil-volontà kollha tajba, mhux is-suġġetti kollha jistgħu jiġu pakkettati jew spjegati jew mifhuma f’tebqa ta’ għajn.

L-INDIPENDENZA

Hi ħaġa tajba li fl-aħħar (naħseb) instab bilanċ politiku siewi dwar kif l-Indipendenza ta’ Malta qed tiġi apprezzata mill-inħawi politiċi kollha.

Sirna nqisuha bħala ħaġa ċara li kienet kisba politika u kostituzzjonali ewlenija. Bidlet fondamentalment il-karattru tal-istat Malti. Anzi, ħolqot stat Malti fis-sens modern tal-kelma, fejn qabel kien territorju dipendenti jew fewdali. Jekk dal-pass setax jitwettaq aħjar jew jekk kienx implimentat b’mod li kien ferm anqas minn l-aħjar li messu ntlaħaq jibqa’ suġġett għal diskussjoni leġittima mingħajr ma jħassar it-tifsira tiegħu.

Għal li ġej, ġenerazzjonijiet futuri se jkollhom jiddiskutu kif l-aħjar ifakkru dan l-avveniment — żgur mhux bil-fanatiżmu qawwi ta’ naħa, u żgur ukoll mhux bid-disprezz ta’ naħa oħra. Sakemm ma jiġrix li fl-irromblar lejn federaliżmu Ewropew li ċerti kwartieri għadhom jixtiequ, l-gżejjer Maltin ma jispiċċawx parti  bla wisq leħen f’torta Ewropea tal- għaġin…

Ekonomija

Sport