Sunday, November 24, 2024

Qormi Daikin l-ewwel finalisti tan-Knock-Out tal-Hockey

Aqra wkoll

Qormi Daikin huma l-ewwel finalisti tal-kompetizzjoni knock-out organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey wara li ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lir-rivali GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 4-1.

Kienet logħba fejn il-Qriema kienu motivati li jkomplu għaddejjin f’din il-kompetizzjoni u sa tmiem it-tielet quarter kienu diġa’ bnew vantaġġ ta’ erba’ gowls.

Minkejja li ż-Żrieraq naqqsu l-marġni tal-iskor, huma ma rnexxielhomx ikomplu jinfdu d-difiża soda tal-Qriema li b’hekk setgħu jiċċelebraw il-passaġġ għall-finali.

Kyle Micallef, Luke Bajada, Steve Tanti u Keith Calleja skorjaw il-gowls għal Qormi Daikin bi GREE Żurrieq Wolves Hotsticks li naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Gary Bonnici.

Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.

Mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Marsaskala Summer Nights iddominaw għal kollox il-konfront kontra Trust Payments Floriana Young Stars tant li rebħu 14-0.

Fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena kien hemm rebħiet għal Marsaskala Summer Nights A li għelbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 5-2 u anke għal Qormi Daikin li ssuperaw l-isfida li tawhom Marsaskala Summer Nights B 8-4.

Sport