Vladimir Stankovic, Serb ta’ 35 sena residenti San Ġiljan ġie akkużat li xejjer arma tan-nar ikkargata f’Tas-Sliema.
Stankovic kien akkużat li wettaq dan ir-reat fis-7 ta’ Frar li għadda f’xi ħin bejn id-9.00am u nofsinhar. Hu kien akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti f’sentenzi tal-Qorti.
Ir-raġel kien arrestat wara li żewġ uffiċjali tal-LESA għamlu rapport lill-Pulizija. Fir-rapport qalu li xi nies qalulhom li raw lill-akkużat ixejjer arma tan-nar ikkargata f’Tas-Sliema.
Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob il-ħelsien mill-arrest u għalhekk is-Serb baqa’ jinżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Michael Vella.